B’telefonata fl-uffiċini tal-Customer Care ta’ San Vinċenz de Paul, jibda l-proċess biex il-qraba tal-anzjani fir-residenza, ikunu jistgħu jżuruhom, hekk kif mit-Tnejn, reġgħu bdew iż-żjarat fid-djar tal-anzjani.
Dejjem qed jingħata l-parir biex min ikollu appuntament, jasal kwarta qabel ħalli jżomm mal-ħin skedat.
Kull persuna li jingħatalha appuntament, ikollha spazju għal parkeġġ riservat, fejn imbagħad jibda l-proċess ta’ reġistrazzjoni.
ONE News tkellem ma’ Lauren Pulis li tieħu ħsieb l-appuntamenti, hija qalet: “Importanti li n-nies iġibu l-ID Card magħhom ta’ kull persuna li hija booked għal dan l-appuntament, nikkonfermawh waqt ir-registration, jingħata pass, wara imorru fl-area fejn tiġi ċċekkjata t-temperatura u jiġu mistoqsija xi affarijiet rigward saħħa tagħhom, imbagħad ikun hemm ix-shuttle service għall-point ta’ fejn l-anzjani.
Fl-ewwel jum taż-żjarat mill-ġdid, spikkat l-emozzjoni tal-qraba li wara xahrejn u nofs, reġgħu raw lil dawk l-aktar għeżież għalihom, anki jekk f’normalità ġdida minn wara l-ħġieġ.
Pulis sostniet: “Il-maġġoranza tal-qraba qegħdin joħorġu minn ħdejn l-għeżież tagħhom bid-dmugħ f’għajnejhom għax tant qed ikunu emozzjonati għall-fatt li wara xahrejn u nofs reġgħu raw lill-għeżież tagħhom għall-ewwel darba.”
Fost dawn kien hemm Emanuel Cortis – ir-raġel ta’ Dolores. Huwa qal: “Viċin tagħha aħjar kieku imma la hu hekk, hekk hux.”
Emanuel u Dolores ilhom miżżewġin 60 sena, u qatt ma qagħdu ġurnata ‘l bogħod minn xulxin. Kellu jkun il-Coronavirus, li jċaħħadhom milli jkun qrib xulxin għal aktar minn xahrejn.
Huwa saħaq: “Ma nistax nimmaġina li nibqa’ ma narahiex.”
Binthom Angele tirrakkonta kemm ħasset in-nuqqas ta’ ommha fl-aħħar xahrejn, u kemm issa hija kuntenta li tista’ terġa’ tibda żżurha.
Hija qaltilna: “Konna ilna ħafna ma narawha, kif inhi, konna qed narawha fuq it-tablet imma aħjar taraha fil-viċin.”
Irrikonoxxiet li ż-żjarat ma kinux qed isiru għall-ġid ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, imma stqarret li l-firda hija kiefra wisq.
Angele saħqet: “Qalet li speċi jien irrid immisskom, irrid ngħannaqkom, imma naqra heartbreaking naraha jien imma aħjar mix-xejn.”
Kull min jixtieq jagħmel appuntament għal żjara f’San Vinċenz, jista’ jċempel fuq in-numru 22912373, mit-Tnejn sal-Ħadd bejn it-8:00 ta’ filgħodu u s-6:30 ta’ filgħaxija.
Biex tagħmel appuntament:
ċempel fuq 2291 2373
mit-Tnejn sal-Ħadd
08:00-18:30