Grupp ta’ Atturi minn skejjel ta’ drama differenti ngħaqdu mat-tim tal-għaqda teatrali SKENE biex itellgħu dramm ieħor ta’ żmien il-ġimgħa mqaddsa b’differenza. Dramm li żgur ser idaħħal lil dawk li se jattendu fl-atmosfera li ġġib magħha din il-festa liturġika.
Id-dramm ta’ din is-sena jġib l-isem ta’ MA, il-kelma li nużaw biex ngħajtu lill-ommna. Dramm li kien miktub minn James Sultana u Mark Mifsud. Id-dinja tinbidel, iż-żminijiet jinbidlu, kollox jinbidel, iżda l-Imħabba tal-omm ma tinbidel qatt. Kemm jekk elfejn sena ilu, kemm jekk illum, il-qalb ta’ omm hija qalb ta’ Omm. U hija din propju t-tema li fuqha huwa bbażat id-dramm ta’ din is-sena. L-imħabba li tat Omm Ġesù u l-imħabba ta’ omm tal-lum. L-istorja ser teħodna fi żmien ’il bogħod u ser iżżommna hawn illum, bl-istorja ta’ Marija Omm Alla u l-istorja ta’ Simone l-omm li ma jafha ħadd. Żewġ realtajiet differenti pero fl-istess ħin simili. Tgħaqqadhom dejjem l-imħabba li omm biss taf turi. Din hija l-istorja tiegħek li int omm, u tiegħek li int iben jew bint. Hija l-istorja tal-bieraħ daqskemm hi l-istorja tal-lum.
Id-drammi tal-Ġimgħa Mqaddsa ta’ Skene jimirħu ’l bogħod minn dak id-dramm tradizzjonali. Għalkemm l-istorja ta’ Ġesù tibqa’ l-fulkru tad-dramm, id-dramm jara li jressaq din l-istorja lejn il-ħajja tagħna tal-lum, bl-iskop li tkun relevanti għalina li ngħixu fl-2018.
Fost l-atturi li qed jieħdu sehem hemm Andrè Penza, Doriana Portelli, Elaine Saliba Bonnici, Pamela Schembri u Joseph Fenech. Id-direzzjoni hija f’idejn Mark Mifsud.
MA ser ikun qed jittella’ fit-Teatru Metanoia nhar is-Sibt 17 u l-Ħadd 18 ta’ Marzu 2018, fis-7.30pm. Biljett jinkisbu minn www.ticketline.com.mt jew fuq 79792424