Wara preseason tajjeb, Raymond Mallia ħasiblu biex għall-aħħar logħhba tal-kampjonat Ingliż ikun Old Trafford biex jara lit-tim favorit tiegħu, il-Manchester United.
Meta xhur ilu qata’ l-biljett, kien għajnu mimlija li se jara lit-tim jgħolli xi tazza, iżda fil-verita’ lanqas il-logħba ma ra.
Mallia kien fost dawk li kellhom iħallu l-ground għax il-logħba ma saritx wara biża’ li kien hemm bomba. “Dħalna l-grawnd fost fost sigurtà kbira. Nitla’ kull sena u din id-darba rajt sigurtà iktar mis-soltu. Klieb, suldati, insomma minn kollox,” qal Mallia. Irrakkonta kif kienu ilhom mal-għaxar minuti fil-grawnd meta ra lill-goaler David De Gea dieħel mill-warm up f’ħin li għalih kien meqjus kmieni.
“Mill-ewwel ħsibt ħażin. Staqsejt lil wieħed li kien miegħi u qalli li normali. Iżda imbagħad talbuna noħorġu,” żied jispjega Raymond.
Mistoqsi jekk beżax anke fid-dawl ta’ dak li ġara Franza, qalilna li le. “Ma bżajtx. Mhux biex nitkessah. Ħarġuna qishom mhux huma. Fi tliet minuti ħarġu mat-30,000 persuna,” żied Mallia li xejn ma ġih sew, għax l-FA iddeċidiet li l-logħba tintlagħab għada filgħaxija.
Min jaf forsi d-darba li jmiss f’Old Trafford ikun qed jara lil Mourinho.