Minkejja l-istennija, il-kontroversji u l-vidjo mużikali tal-kanzunetta I Don’t Want to Live Forever, il-film Fifty Shades Darker, it-tieni mis-sensiela Fifty Shades of Grey, mhux mistenni jkun fil-quċċata tal- Box Office Amerikana fl-ewwel tmiem il-Ġimgħa tiegħu.
Skont il-kritiku tal-films Mario Azzopardi din hija l-ewwel previżjoni għal Fifty Shades Darker erbgħa u għoxrin siegħa wara l-permier li xxandar madwar id-dinja,
Minkejja li t-tim tal-produzzjoni bbrilla fil-mod kif irreklamah, mit-trailers, sal-vidjo mużikali, jidher li Fifty Shades Darker se jitlef għall-film The Lego Batman Movie.
Fi kliem Azzopardi: “wieħed mill-ikbar difetti huwa li l-istorja hija wisq fjakka. Issa dan kellu potenzjal ħafna ikbar għaliex introduċi żewġ karattri interessanti. Li għamel, ipprova jibni ħafna hype għat-tielet film”.
Fifty Shades Darker jerġa jlaqqana ma Anastasia Steele, li wara relazzjoni partikolari mal-biljunarju Christan Grey, trid terġa tibni ħajjitha mill-ġdid. U minkejja l-kunflitt bejn dak li huwa tajjeb għaliha u dak li tixtieq, Steele terġa taqa’ għar-relazzjoni tossika ma’ Grey.
Azzopardi kkummenta ukoll kif l-element sesswali avventuruż tas-sensiela huwa l-ingredjent li qed jattira l-udjenzi. U fil-każ tat-tieni film fis-sensiela, minkejja l-istorja kemmxejn fjakka, ser naraw perspettiva differenti mill-ewwel film.
“Kellek prattikament nisa biss wara l-kamera, sew id-direttur u anke script writer. Meta gew biex jaħdmu t-tieni film biddlu kkollox u daħħlu rgiel u allura kollox huwa mill-perspettiva ta’ raġel.”
Skont Azzopardi s-sigriet għas-suċċess ta’ kull film huwa kemm id-direttur jinvolvi l-udjenza, u sfortunatament, Fifty Shades Darker ma jħalli xejn għall-immaġinazzjoni fix-xeni sesswali tiegħu. Element li skont il-kritiku Malti se jpoġġi l-film fi żvantaġġ, għaliex il-moħħ tal-bniedem irid jitħalla joħlom xena ta’ dak it-tip bil-libertà kollha.
“Naħseb li l-iktar xena erotika, biex ngħid hekk, hija waħda daqsxejn partikolari li sseh ġo restaurant imma se nieqaf hemm u ma noqgħodx niddeskriviha!”
Minkejja l-opinjonijiet diversi, żgur li mhux waħda jew tnejn se jkunu x-xebbiet li f’San Valentinu li ġej, se jagħżlu l-kumpanija tas-Sur Grey.