B’rabta mal-ġimgħa li fih ġie mfakkar il-jum internazzjonali għal mara, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela ltaqgħet ma’ numru ta’ nisa li jaħdmu f’diversi setturi fis-soċjetà.
Fl-ewwel żjara tagħha, mart il-Prim Ministru marret fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u ltaqgħet ma’ tliet pumpiera nisa li jaħdmu f’dan id-dipartiment. Il-ħaddiema nisa qalu li ma ħallew ebda sterjotipi jxekklu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Hawnhekk, Dr Abela apprezzat il-kuraġġ u determinazzjoni tat-tliet pumpiera nisa li llum għandhom karriera li hija ddominata mill-irġiel.
Fi żjara oħra lill-kumpanija tal-ajru AirMalta, Dr Abela ltaqgħet ma’ żewġ ħaddiema tal-kumpanija, li qalu kif is-sodisfazzjon tagħhom huwa li qegħdin jaħdmu f’ambjent li jippromwovi l-ugwaljanza.
Dr Abela żaret ukoll kumpanija Ġermaniża li timmanifattura prodotti tal-ħġieġ. Hawnhekk id-Direttur Maniġerjali ta’ din il-kumpanija, Marisa Xuereb spjegat kif nofs l-amministrazzjoni tal-kumpanija hija magħmula min-nisa.
Mart il-Prim Ministru qalet kif waqt il-pandemija l-irwol tan-nisa fid-dinja tax-xogħol huwa importanti.
Qalet kif, “Irridu nkomplu naħdmu biex nassiguraw illi kull mara u kull tifla tilħaq il-potenzjal massimu tagħha u tifhem illi għaliex sempliċiment hija mara, ma jeżistu l-ebda barrieri biex tilħaq dak li tixtieq u tilħaq il-massimu tagħha.”
Intant fi żjara li l-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli għamlet it-Tlieta wara nofshinar fl-Enemalta ħareġ kif huma tlett nisa tekniċi biss li jaħdmu f’din l-entità.
Hawnhekk dan l-istazzjon tkellem ma’ żewġ nisa li mhux biss spjegaw ix-xogħol iżda anki ħeġġew biex aktar nisa jersqu ’l quddiem f’oqsma ta’ xogħol differenti.
Spjega, “Nagħmlu pjan ta’ kemm se tkun id-domanda tal-elettriku f’Malta għal għada, u naraw minn fejn jaqblilna l-aktar li nixtru l-elettriku jew mill-interconnector fi Sqallija jew mis-sorsi u l-impjanti li għandna f’Malta.”
Qal, “Jiena ma nemminx li l-ebda professjoni fiha ġeneru, kollox jista’ jsir minn mara u raġel u nħeġġeġ dawk in-nisa hemm barra biex jekk huma għandhom ambizzjoni jew jogħġobhom dawn il-kunċetti ta’ xjenza għaliex le.”