Fil-ġurnata li fiha pajjiżna ngħaqad man-Nazzjonijiet Magħquda sabiex jiċċelebra Jum l-Anzjani, mart il-Prim Ministru Lydia Abela ħadet l-opportunità sabiex permezz ta’ kitba fuq il-profil tagħha ta’ Facebook, tkabbar l-għarfien fuq il-problema tas-solitudni fl-anzjani. Fenomenu li jolqot persentaġġ mhux żgħir tal-anzjani f’pajjiżna
Dr. Abela spjegat kif is-solitudni kienet ukoll sfida li ġabet magħha l-Covid-19 iżda madankollu wieħed għandu jfittex li jżomm kuntatt permezz ta’ mezzi teknoloġiċi.
Dan l-istazzjon tkellem mal-Professur Andrew Azzopardi li spjega kif xi kultant tant ninqabdu fil-ħajja mgħaġġla tagħna illi lill-anzjani tagħna ntuhom il-ġenb. Spjega kif maż-żmien bosta ħadu lill-anzjani tagħhom sabiex ikunu siguri f’dar tal-anzjani filwaqt li ma jkunux ingħataw widen meta wrew ix-xewqat tagħhom.
Huwa qal: “Huma investew fina, huma għamluna n-nies li aħna imma aħna x’għamilna? Aħna konna kuntenti li nagħtuhom il-biċċa ż-żgħira, inserrħu moħħna aħna aktar milli naraw huma verament x’iridu. U allura dik tikkawża ovjament, għax meta inti anzjna tħallih waħdu, tikkawża ovvjament is-solitudni, tħoss dwejjaq kbar u toħloq anke problemi ta’ saħħa fiżika.”
Min-naħa l-oħra l-Professur Marvin Formosa spjega kif f’dan il-jum infakkru wkoll il-kisbiet kbar li saru sabiex l-anzjani llum ikunu iktar involuti fis-soċjetà.
Huwa sostna: “Irridu nżommu kuntatt kemm jista’ jkun, irridu wkoll naraw li kulħadd tajjeb fit-teknoloġija. Però importanti huwa li nittrattaw l-anzjani bħala ċittadini sħaħ fis-soċjetà.”
https://www.facebook.com/Abela.Lydia/posts/800043037463884