Il-Kumpanija Unpaused ħabbret il-ftuħ tat-tieni ħanut tal-ħwejjeġ bl-isem ta’ Lindex ġewwa Raħal Ġdid b’investiment ta’ seba mitt elf ewro. Dan huwa t-tieni l-ikbar proġett tagħha matul il-pandemija, fejn f’Marzu tas-sena l-oħra, Unpaused fetħet l-ewwel ħanut ġewwa l-kumpless ta’ Baystreet b’investiment t’aktar minn €2 miljun.
Dan il-ħanut ġie inawgurat minn mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela il-Ħamis filgħaxija. Dr Abela ferħet lil kumpanija Unpaused talli wriet fiduċja f’Malta, mhux darba biss, iżda darbtejn. Hija tenniet kif dan juri li Malta hija tassew id-dar tal-investiment kif ukoll tan-negozji.
Lindex, waħda mill-kumpaniji ewlenin tal-moda fl-Ewropa, għandha madwar 440 ħanut madwar id-dinja. L-iskop ewlieni tal-ħwejjeġ ta’ Lindex huma li jispiraw u jagħtu iktar kunfidenza lin-nisa f’dak kollu li huma libsin.
Dawn il-ħwejjeġ huma wkoll sostennibli u magħmula minn materjal riċiklat. L-impenn ta’ Lindex fil-fatt jimxi id f’id mal-impenn tal-Gvern Malti b’inizjattivi favur l-ambjent.
Lindex fil-fatt rebħet wieħed mill-aktar premijiet sostenibbli prestiġjużi fl-industrija tal-moda.