Il-Partit Laburista qed iżomm kuntatt mill-qrib man-nies matul din il-Kampanja Elettorali.
It-Tlieta filgħodu, mart il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Dr Lydia Abela bdiet il-jum bi żjara fis-suq tal-Birgu u Bormla.
Matul din iż-żjara, Lydia Abela ħadet l-opportunità sabiex tiltaqa’ man-nies preżenti f’dawn iż-żewġ lokalitajiet. Hija ntlaqgħet tajjeb min-nies preżenti fejn ħadu l-opportunità jesprimu s-sodisfazzjon tagħhom għal proposti mħabbra mill-Partit Laburista sa issa. Miżuri li se jaraw aktar spazji miftuħa għal pubbliku, żidiet fil-pensjonijiet u tnaqqis fit-taxxa għal kulħadd fost oħrajn.
Flimkien ma’ Dr Abela kien hemm il-kandidati tat-tieni distrett.
Intant, aktar tard matul il-jum, l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista mmexxija mill-President Dr Ramona Attard u l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista George Azzopardi flimkien mal-kandidati tal-ewwel distrett elettorali għamlu żjara lill-komunità kummerċjali fil-Belt.