Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela, qattgħet l-għodwa ta’ Jum il-Mara tiltaqa’ man-nies u ddur it-toroq ewlenin tal-Belt.
Flimkien mal-membri tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Lydia Abela daret is-suq tal-Belt u tkellmet ma’ dawk preżenti, fosthom nisa li kienu qed jieħdu kafè fil-pjazza ta’ quddiem il-Parlament.
Hija mxiet ukoll fi Triq ir-Repubblika, fejn kienu bosta li ħatfu l-opportunità u ħadu ritratt mal-mara tal-Prim Ministru.
Intant, minn hemmhekk, Lydia Abela marret tiltaqa’ ma’ Marietta Lanzon, nanna ta’ sitta li rabbiet familja u daħlet l-Università fl-età ta’ erbgħin sena.
Wara, Lydia Abela marret f’fabbrika fil-Marsa, fejn iltaqgħet mal-intraprenditriċi Doreen Cutrona li hija l-ko-fundatriċi ta’ kumpanija tal-manifattura, li ħafna drabi huwa xogħol assoċjat mas-sess maskili.
L-omm ta’ erbat itfal qalet lil mart il-Prim Ministru li xejn mhu impossibbli jekk mara tkun ottimista, taħdem għall-ħolm tagħha u tmexxi bl-eżempju.
Mill-Marsa, is-Sinjura Abela baqgħet sejra l-Fgura, fejn iltaqgħet mat-tim ta’ nisa li jmexxu l-proġett tal-Pulizija fil-Komunità f’diversi lokalitajiet fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Huma spjegawlha l-każijiet li jiltaqgħu magħhom waqt ir-rondi u b’sodisfazzjon qalulha li saru jiltaqgħu ma’ ħafna bniet li jgħidulhom li jixtiequ jsiru Pulizija.
L-impenji ta’ mart il-Prim Ministru ssuktaw f’Villa Arrigo fin-Naxxar, fejn saret attività soċjali flimkien mas-sittax-il kandidata mara tal-Partit Laburista, il-membri tal-Eżekuttiv u anki l-President tal-Partit.
Qalet, “Jum il-Mara huwa kuljum, matul is-sena kollha iżda huwa importanti ħafna li bħal-lum, f’Jum il-Mara, infakkru kemm huwa importanti li nedukaw lis-soċjetà li l-irwol tal-mara mhuwiex sterjotipiku iżda kemm il-mara hija kapaċi toħloq l-irwol tagħha. Il-Partit Laburista minn dejjem kien katalista biex jirrikonoxxi l-abbiltajiet tan-nisa u biex joħloq l-opportunitajiet u spazju biex il-mara toħloq dik l-opportunità u timxi ’l quddiem.”