Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, iltaqgħet mal-kontinġent Malti li se jieħu sehem fil-Logħob tal-Olimpjadi Speċjali li se jsir fil-kapitali Ġermaniża, Berlin.
L-Olimpijadi Speċjali se jsir bejn is-17 u l-25 ta’ Ġunju li ġej bit-tema ‘Unbeatable Together’, u Malta se tkun qed tiġi rrappreżentata minn 22 atleta Malti.
F’ċerimonja uffiċjali li saret fin-Naxxar, Dr Abela fakkret fl-Olimpijadi Speċjali li saru Malta bħal dan iż-żmien sena. Dak iż-żmien, il-President tal-iSpecial Olympics Europe, David Evangelista, kien iddeskriva lil pajjiżna bħala eżempju tal-inklussività ta’ persuni li għandhom kapaċitajiet differenti.
Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija għall-Olimpijadi Speċjali, Anna Calleja, qalet li wara taħriġ kontinwu u b’determinazzjoni, l-atleti jinsabu lesti biex jirrappreżentaw lil pajjiżna. Hija rringrazzjat lil Sport Malta u lill-Gvern talli taw l-għajnuna meħtieġa sabiex l-atleti jkollhom opportunità fejn juru l-kapaċitajiet tagħhom.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.