Bl-isfond tal-Parlament Malti, fil-jum internazzjonali ddedikat għan-nisa, pajjiżna jinsab pass eqreb lejn rappreżentanza iżjed ugwali bejn is-sessi fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna.
Dan kien il-messaġġ ewlieni ta’ konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela, il-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis u l-Professur Carmen Sammut.
Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela spjegat li din ir-riforma ta’ rappreżentanza xierqa tan-nisa fil-Parlament hija pass importanti ieħor.
Dr Abela qalet illi l-Gvern Laburista qed jaħdem biex ibiddel dak li għal snin baqa’ l-istess, jiġifieri inugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament.
Hija saħqet: “U allura kien hemm bżonn illi ssir din ir-riforma, illi għada pit għada, it-tfajliet illi llum għadhom żgħar u ‘l quddiem se jħarsu lejn din ir-riforma li qegħdin inressqu ‘l quddiem se jirealizzaw illi l-mekkaniżmu li se jibda jintuża għada pit għada mhux se jkun hemm bżonnu, għaliex permezz tagħha se nkunu qed inbiddlu l-mentalità u s-soċjetà, l-elettorat se jibda jivvota b’mod awtomatiku lin-nisa wkoll.”
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Zammit Lewis tenna li għal din is-sena l-Ġnus Magħquda għażlet biex tgħaddi żewġ messaġġi, dak ta’ rappreżentanza femminili f’pożizzjonijiet maniġerjali u dak li l-pandemija kixfet aktar inugwaljanzi bejn is-sessi.
Qal li l-mekkaniżmu, li se jiġi introdott għal-leġislazzjoni li jmiss mistenni jwassal biex erbgħin fil-mija tal-membri parlamentari jkunu nisa.
Il-Ministru Zammit Lewis qal, “Mhux aċċettabbli li dan iż-żmien kollu ma sar xejn fil-konkret, għandek nofs is-soċjetà li kważi mhix rappreżentata fil-Parlament, li hija l-mara. Aħna nemmnu fil-mara, Gvern li jemmen fil-mara, Prim Ministru li jemmen fil-mara u allura jrid ikolna miżuri konkreti biex fl-elezzjoni ġenerali li jmiss ikollna 40% tal-Kamra tad-Deputati b’nisa fil-Parlament.”
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tkellmet il-Professur Carmen Sammut, li semmiet kif ir-riforma tal-ugwaljanza tinsab fl-istadju tat-tielet qari u għalhekk dalwaqt issir liġi.
Żiedet tgħid ukoll illi fil-ġimgħat li ġejjin se titnieda kampanja informattiva dwar waħda mill-aktar riformi kbar favur l-ugwaljanza.