Waqt edizzjoni speċjali tal-programm Manicolo & Co, f’jum il-Milied, kien hemm it-tliet ġenerazzjonijiet tal-familja ta’ Lydia Abela.
F’dan il-programm, mart il-Prim Ministru Lydia Abela tkellmet dwar il-valuri li hi tħaddan, permezz t’ommha Emmanuela, li kienet ħdejha u kif hi qed tgħaddi dawk il-valuri lill-bintha, Giorgia Mae.
“Trid tgħin u tapprezza dak li għandek u dan kollu jien tgħallimtu bil-mod sempliċi tal-mama, jiġifieri minn fuq l-ebda ktieb, fuq l-ebda dokumentarju. Mill-mod kif il-mama taġixxi, iġġib ruħha, l-attitudni tagħha, it-tbissima li dejjem ikollha fuq wiċċha.”
LYDIA ABELA
Issemmiet ukoll l-inizjattiva Rigal b’Imħabba, li l-edizzjoni ta’ din is-sena kienet suċċess.
“Pajjiżna dik li għandu sabiħ, hux veru, kif tagħmel sejħa biex in-nies jgħinu tarahom ġejjin bi ħġarhom biex ikunu ta’ għajnuna.”
LYDIA ABELA
Lydia Abela rrakkontat ukoll kif iltaqgħet ma’ żewġha, Robert, fil-kors tal-liġi u anki fil-meetings tal-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-1996. Dan anki flimkien ma’ rakkonti tat-tfulija tat-tliet ġenerazzjonijiet.
F’dan il-programm, it-tliet ġenerazzjoni tal-familja ta’ Lydia Abela tkellmu dwar kif huma addottaw annimali sabiex irabbuwhom magħhom.
“Hemm ħafna annimali li qed jistennew dar. Jiġifieri dawk kollha li jixtiequ jagħtu l-imħabba tagħhom lill-annimali, nagħmel appell biex jaddottaw mis-santwarji tagħna.”
LYDIA ABELA
Lejliet l-Istrina, sar dan l-appell ħelu minn bint il-Prim Ministru, Giorgia Mae.
“Jiena nħeġġeġ lill-Maltin biex jgħin dawk fil-bżonn ħalli kulħadd ikun kuntent f’dan iż-żmien tal-Milied.”
GIORGIA MAE ABELA