Mart il-Prim Ministru u l-President tal-Ispecial Olympics Malta, Dr Lydia Abela, kellha messaġġ b’saħħtu favur inizjattivi ta’ inklussività għal nisa b’diżabilità intellettwali permezz tal-isport, waqt diskussjoni li saret is-Sibt filgħodu f’Berlin qabel il-ftuħ tal-Logħob Dinji tal-Ispecial Olympics.
F’diskussjoni ma’ akkademiċi, atleti u rappreżentanti ta’ għaqdiet internazzjonali, Lydia Abela mhux biss fissret dak li qed tagħmel Malta biex tindirizza sfidi li jkollhom il-persuni b’diżabilità, imma anki l-messaġġ qawwi li tibgħat Special Olympics, li tiċċelebra l-ħiliet u l-potenzjal ta’ kull persuna.
Hija saħqet li pajjiżna ntrefa ’l fuq mill-mentalità li l-isport huwa assoċjat biss mal-irġiel, u nnutat kif b’inizjattivi li qed jittieħdu f’diversi dixxiplini sportivi, in-nisa qed jinvolvu ruħhom dejjem aktar fl-isport.
“Tajna diversi eżempji li Special Olympics Malta tagħmel ġewwa pajjiżna u kellna ċ-ċans niddiskutuhom ma’ atleti oħrajn. Kien ta’ pjaċir li naqsam dawn l-esperjenzi flimkien ma’ atleti oħrajn, ma’ organizzazzjonijiet oħrajn, biex inkomplu niġġieldu l-istigma kontra d-diżabilità intelletwali u biex inkomplu nagħtu kuraġġ lil dawn l-atleti tagħna.”
Fil-kapitali Ġermaniża, Lydia Abela spjegat li pajjiżna jrid ikompli jsaħħaħ ix-xogħol li qed isir favur l-indipendenza tal-persuni b’diżabilità b’diversi opportunitajiet.
Semmiet il-fatt li fl-aħħar snin, ir-rata ta’ parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol irduppjat, u nnutat kif min iħaddem jirċievi appoġġ u inċentiv biex iħaddem persuni b’diżabilità.
Lejn tmiem id-diskussjoni, Lydia Abela fissret l-Ispecial Olympics bħala raġġ ta’ tama għall-persuni b’diżabilità u awgurat lill-atleti kollha f’Berlin għal-Logħob Dinji tal-Ispecial Olympics.