F’messaġġ li xxandar fuq xandira rrekordjata tal-programm Serataron, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela tkellmet dwar mumenti ta’ sodisfazzjon li jesperjenzaw l-ommijiet tul il-ħajja ta’ wliedhom.
Qalet, “Mill-mument li nintroduċu lil uliedna ċkejknin għal xi ħaġa ġdida, fl-ewwel passi fil-ħajja sal-mument li nkunu kuntenti li narawhom jistudjaw fil-kors li xtaqu jew narawhom jissetiljaw fil-karriera li jkunu aspiraw għaliha”
Fil-messaġġ tagħha, Dr Abela rrikonoxxiet li għal ħafna nisa, Jum l-Omm jista’ jġib miegħu niket minħabba diversi ċirkostanzi mhux fil-kontroll tal-omm.
Spjegat, “F’dawn il-jiem fi ħsibijieti jkun hemm ukoll dawk li forsi f’dan il-jum inisslilhom dwejjaq jew uġiegħ. Nisa bi problemi ta’ inferitiltà, nisa li sofrew miscarriages, jew firda jew nuqqas ta’ uliedhom, dawk in-nisa li esperjenzaw pregnancy test wara l-ieħor negattiv.”
Hija temmet b’messaġġ ta’ kuraġġ u appellat lin-nisa sabiex idawwru l-imħabba li jafu jagħtu lejhom infushom u jħossu l-imħabba u r-rispett li kull omm taf tagħti.
Qalet, “Lil dawn kollha jien nagħmilhom kuraġġ u nassigurahom li llum m’humhiex waħedhom dawwru dik l-imħabba li tafu tagħtu bħala ommijiet lejkom infuskom u ħossu l-imħabba u r-rispett li kull omm jixraq tagħti lil omm bħalha. Jum l-omm it-tajjeb li kull min iħoss ġo fih dik l-imħabba li taf tagħti l-omm.