Il-film Malti Luzzu, li din is-sena seraq il-qlub tax-xena taċ-ċinema lokali u internazzjonali ġie sottomess għall-premju tal-Aqwa Film Internazzjonali fl-94 edizzjoni tal-Oscars.
S’issa Luzzu diġà kiser kull rekord bħala l-ewwel film Malti li ntwera għall-ewwel darba fil-festival ta’ Sundance aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn Jesmark Scicluna, sajjied li ta l-ħajja lill-istorja fil-film, rebaħ premju speċjali għall-irwol tiegħu fil-film.
L-Akkademija li tieħu ħsieb il-premji tal-Oscars dejjem tħeġġeġ il-pajjiżi jinnominaw film lokali għal din il-kategorija, qabel ma mbagħad jitħabbru l-15-il finalist fil-21 ta’ Diċembru li ġej.
Fl-ewwel ġimgħa ta’ Frar jitħabbru l-aħħar ħames finalisti u r-rebbieħ jitħabbar fis-serata tal-Oscars, li se ssir fis-27 ta’ Marzu li ġej f’Los Angeles.