Iċ-champions tal-futsal lokali Luxol St Andrews u r-rebbieħa tal-kompetizzjoni Knock-Out University of Malta ACJ Group se jiftħu l-istaġun 2023-24 bl-Enemed Super Cup.
F’konferenza stampa organizzata mill-Futsal Malta Association, il-president Mark Borg feraħ liż-żewġ timijiet li waslu għal dan it-tragward u se jkunu qed jiftħu staġun li mistenni jkun wieħed ferm intensiv u interessanti.
Il-kowċ ta’ Luxol Gabriel Dobre qal li qed jistenna bil-ħerqa l-konfront ta’ nhar il-Ġimgħa sabiex jara l-livell tal-plejers tiegħu wara pre-season ferm intensiv li kellhom matul is-sajf. Min-naħa tiegħu l-captain Mark Zammit qal li t-tim hu lest li jkompli jżomm il-konsistenza tiegħu u jirbaħ aktar tazzi.
Il-kowċ il-ġdid tal-Universita ta’ Malta David Bobkhidze, li rritorna f’pajjiżna wara nuqqas ta’ għaxar snin, irrikonoxxa li l-livell ta’ dan l-isport kiber drastikament. Hu faħħar lill-plejers tiegħu għad-dedikazzjoni tagħhom matul is-sajf partikolarment fil-kamp ta’ taħriġ li għamlu fi Sqallija fejn seta’ jara l-livell tagħhom aktar mill-viċin. Min-naħa l-oħra, il-captain Dylan Cacciatolo qal li jafu sew lill-avversarji tagħhom u se jagħmlu minn kollox biex jirrepetu l-wirja tagħhom fil-finali tan-KO.
F’din il-konferenza stampa, il-president tal-FMA Mark Borg ħabbar li f’dan l-avveniment se jkunu qed jinġabru fondi għall-Puttinu Cares. Dr Andrew Decelis f’isem din l-organizzazzjoni radd ħajr lill-FMA li qed juru solidarjeta’ għal din il-kawża ġusta.
Il-logħba bejn Luxol u University of Malta ACJ Group se tintlagħab nhar il-Ġimgħa li ġej fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali f’Pembroke u tibda fid-8.45pm.