Luxol St Andrews u Ta’ Xbiex Futsal jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika tal-Enemed Futsal League wara rebħiet ferm importanti li kisbu. F’logħba ferm eċitanti, iċ-champions Luxol għelbu lil Swieqi United 7-5. F’dik li wieħed jista’ jsejħilha bħala l-isbaħ logħba tal-istaġun s’issa, Swieqi taw battikata liċ-champions Maltin għalkemm lejn l-aħħar ma setgħux jevitaw li jsofru l-ewwel telfa tal-istaġun. Victor Oliveira Dias kien ta’ ispirazzjoni għal Luxol meta skorja tripletta personali b’Jefferson Breno li jsib ix-xibka darbtejn. Luke Gatt u Celino Alves għaqqdu l-iskor għaċ-champions Maltin. Swieqi baqgħu fil-logħba b’doppjetta ta’ Dylan Musu u gowls oħrajn ta’ Marcelo Alarcon, Rodrigo Rocha u Karl Luke Schembri. Referees kienu Clinton Cassar u Danilo Francalanza.
Ta’ Xbiex għelbu lis-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena 3-0. Giancarlo Sammut, Sebastian Obando u Valen McKay skorjaw il-gowls l-aktar importanti għat-tim minn Ta’ Xbiex. Referees kienu Andrea Naudi u Marco Orazio La Rosa.
Ħamrun SC kisbu l-ewwel rebħa staġjonali u ħasdu lil Marsaskala Futsal tant li għelbuhom 7-4. Il-Ħamruniżi kienu determinati li jiksbu l-ewwel tliet punti tal-kampjonat u skorjaw il-gowls tagħhom wara tripletta ta’ Hamza Harrat u doppjetta ta’ Collin Sammut bi Braham Garcia Espinosa u Amin Louati li għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom. Amir Ashtiyani skorja doppjetta għal Marsaskala filwaqt li Jovica Milic u awtogowl ta’ Matthias Borg għamlu l-iskor finali 7-4. Referees kienu Danilo Francalanza u Andrea Naudi.
GZR Birżebbuġa St Peter’s kellhom ukoll is-sodisfazzjon li jiċċelebraw l-ewwel tliet punti tal-istaġun wara li għelbu lis-selezzjoni Maltija ta’ taħt is-17-il sena 9-4. Armando Gjepali u Cristian Camilo Montanez Dias kienu ta’ ispirazzjoni għar-rebbieħa wara li skorjaw tripletta kull wieħed b’Denim Parnis, Ciprian Socaciu u Nikola Milenkoski li skorjaw aktar gowls għat-tim tagħhom. Iż-żgħażagħ Maltin skorjaw permezz ta’ Kaden Baldacchino, Benjamin Spiteri u doppjetta ta’ Kearan Cutajar. Referees kienu Marco Orazio La Rosa u Sillah Alhasana.
KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL LEAGUE – Luxol St Andrew’s, Ta’ Xbiex 12 Swieqi United , University of Malta, Marsaskala Legends 9, Selezzjoni Maltija U19 6, Ħamrun SC NCMB, Gżr Birżebbuġa St Peter’s Futsal 3, Selezzjoni Maltija U17 0
Ritratt: Terry Caselli