Luxol St Andrew’s rebħu l-Enemed Futsal League meta f’finali ferm eċitanti huma għelbu lil University of Malta ACJ Group 4-3 wara l-ħin barrani.
Din kienet it-tieni finali bejn dawn iż-żewġ timijiet hekk kif fl-ewwel logħba ta’ bejniethom, Luxol kienu rebħu 4-1.
Minkejja kollox, l-Universita’ kienu tim mibdul hekk kif taw battikata liċ-champions il-ġodda filwaqt li saħansitra sfurzaw il-ħin barrani wara li ġabu l-iskor indaqs żewġ sekondi minn tmiem il-konfront.
Kien Raimundo Nonato li poġġa lill-Universita’ minn fuq sabiex Luke Gatt ġab l-iskor indaqs qabel tmiem l-ewwel taqsima. Fit-tieni taqsima, Luxol ħarġu determinati u marru fil-vantaġġ permezz ta’ Mark Zammit wara li rċieva tajjeb mingħand Everton Veve. Hekk kif kollox kien jidher li Luxol kienu se jiċċelebraw wasal il-gowl kiesaħ u biered tal-Universita’ hekk kif Steven Camilleri fajjar xutt b’Emil Raducu li xellef il-ballun għal ġewwa għal awtogowl. Il-logħba marret għall-ħin barrani u hawn Luxol skorjaw żewġ gowls oħra permezz ta’ Andre Ciancio u Maicon għal 4-2. Minuta u nofs qabel tmiem il-konfront, University of Malta ACJ Group naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Raimundo Nonato u minkejja l-aħħar sforzi tagħhom ma rnexxielhomx jieħdu xi ħaġa minn din il-partita.
Kien hawn li setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-plejers, diriġenti u partitarji ta’ Luxol li laħqu l-qofol tagħhom mal-preżentazzjoni tat-tazza mill-president tal-FMA Mark Borg lill-captain Mark Zammit.
Referees kienu Clinton Cassar u Stephen Vella.