Caffe Moak Luxol rebħu l-kampjonat tan-Nisa tal-Basketball meta l-erbgħa filgħaxija għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 68-56 biex b’hekk rebħu t-tielet logħba infila fil-play offs tal-finali. Għalihom din kienet l-erbatax -il darba li rebħu l-kampjonat.
Il-Play Offs kienu l-aqwa minn ħames logħbiet u bir-rebħa tal-bieraħ m’hemmx għalfejn issir l-aħħar logħba li kienet skedata għal nhar il-Ħadd li ġej.
Play Offs li kienu bdew b’rebħa ta’ Hibernians fl-ewwel logħba bl-iskor ta’ 77-53. Biss il-plejers ta’ Luxol għarfu jirreagixxu u rebhu it-tieni logħba bi skor ta’ 52-49, it-tielet waħda 60-46 u finalment dik tal-bieraħ, li kienet deċiżiva ghar-rebħ tal-kampjonat.
Il-captain ta’ Luxol Antoinette Borg irċeviet it-trofew tar-rebħ mingħand Michael Galea, CEO ta’ Mapfre MSV Life.
Il-Brażiljana Palmira Marcal ġiet magħżula bħala l-aqwa plejer tal-erba’ finali tal-Play-Offs.