Iċ-champions tal-futsal lokali Luxol St Andrew’s bdew l-istaġun 2023/24 b’mod pożittiv meta rebħu l-Enemed Super Cup. Fil-finali huma għelbu lil University of Malta ACJ Group bl-iskor ta’ 4-3 f’logħba ferm emozzjonanti u drammatika sal-aħħar.
It-tim minn St Andrew’s kellu vantaġġ ta’ 3-0 sa tmiem l-ewwel taqsima u żied gowl ieħor fit-tieni taqsima u kollox kien jidher li kienet ġejja rebħa komda.
Minkejja kollox fl-aħħar kwarta waslet ir-reazzjoni tal-Universitarji li skorjaw tliet darbiet. Biex tkompli tiġihom ħażina, fl-aħħar ħames minuti, Luxol kellhom lil Marwan Telisi mkeċċi sabiex l-aħħar ħinijiet kienu drammatiċi bl-Universita’ jattakkaw u Luxol jiddefendu tajjeb.
Andy Mangion poġġa lil Luxol minn fuq sabiex Marwan Telisi skorja t-tieni u t-tielet gowl.
Fit-tieni taqsima, Victor Oliveira Dias skorja gowl sabiħ wara azzjoni individwali sabiex għamel l-iskor 4-0.
L-Universita’ kellhom reazzjoni f’waqtha u skorjaw minn doppjetta ta’ Guillherme de Fonseca u gowl ieħor ta’ Stefan Camilleri. Dan kollu ma kienx biżżejjed sabiex jieħdu xi ħaġa minn din il-partita.
Fi tmiem il-konfront, il-president tal-FMA Mark Borg ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Luxol Mark Zammit.