Luxol ġew inkurunati Champions tal-Elite, hekk kif rebħu wkoll it-tielet u l-aktar logħba eċċitanti kontra Valletta bl-iskor ta’ 8-4.
Wara sitt minuti logħob Mark Zammit fetaħ l-iskor u madwar żewġ minuti wara, l-istess Zammit irdoppja l-iskor għal Luxol. Nicola Del Re skurja darbtejn fl-ewwel taqsima, bit-tieni gowl skurjat 47 sekonda mit-tmiem. Bejn iż-żewġ gowls ta’ Del Re, Gia Nikvashvilli skurja għal Valletta minn penalty, biex l-ewwel taqsima intemmet 4-1 għal Luxol.
Fi ftuħ it-tieni taqsima, Leanderson Sant’Anna Coriolano skurja l-ħames gowl għal Luxol, wara li ftit sekondi qabel Celino Alves kien laqat il-lasta l-mimduda.
Il-Beltin reġgħu daħlu fil-logħba meta rnexxielhom inaqqsu l-marġni tal-iskor għal 5-4, b’doppjetta ta’ Shawn Vella u gowl ieħor għal Nikvashvili.
Biż-żewġ timijiet hekk viċin ta’ xulxin kellna tkeċċija fuq kull naħa, l-ewwel kien Nikvashvili ta’ Valletta li rċieva t-tieni karta safra u aktar tard ukoll Maicon Silva għal Luxol.
Luxol għalqu definitivament il-logħba permezz tat-tielet gowl personali għal Del Re, gowl ieħor għal Leanderson u l-aħħar gowl skurjat minn Emil Andrei Raducu meta kien fadal biss ħamsin sekonda għat-tmiem. Ftit sekondi wara Shawn Vella wkoll irċieva t-tieni karta safra u kellu jitkeċċa.
Wara t-tisfira finali Luxol bdew minnufih iċ-ċelebrazzjonijiet li laħqu l-qofol tagħhom meta l-captain Mark Zammit għolla l’fuq it-tazza.
Intant matul din il-ġimgħa kellna wkoll logħba oħra mill-Promotion Play Offs fejn it-tim tal-Università ta’ Malta għeleb lil Swieqi United U21 bl-iskor ta’ 3-0. Dan ifisser li l-Universitarji fl-istaġun li jmiss se jkunu fl-ogħla diviżjoni, hekk kif inhu ppjanat li l-kampjonat ikun maqsum fuq żewġ diviżjonijiet.
Il-ġimgħa d-dieħla:
It-Tnejn 8/4/19 fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin fit-20:15
Promotion Play Off
Tarxien Rainbows vs Pieta Hotspurs.
Il-Ħamis 11/4/19 fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin fit-20:15
Finali tan-Knock Out
Valletta vs Luxol