Iċ-champions tal-futsal lokali Luxol St Andrew’s kisbu rebħa faċli ta’ 8-0 kontra Swieqi United f’logħba valida mill-fażi Elite tal-Kampjonat Enemed. It-tim minn St Andrew’s iddomina l-partita mill-bidu sal-aħħar bi Swieqi li ddiżappuntaw ferm tul l-40 minuta logħob. Sa tmiem l-ewwel taqsima l-iskor kien diġa’ 6-0 sabiex fit-tieni taqsima t-tim immexxi minn Gabriel Dobre seta’ jamministra l-logħba filwaqt li żied żewġ gowls oħra.
Celino Alves, li kien qed jirritorna wara injury, skorja doppjetta, l-istess bħalma għamel Matthew Attard. Mark Zammit, Emil Raducu, Michael Borg u Andre Ciancio żiedu aktar gowls għar-rebbieħa. Referees kienu Jude Amin Utulu u Stephen Vella.
ŻRQ Bormla irritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Birżebbuġa St Peter’s Futsal 3-2. Dawn tal-aħħar taw qalbhom tul il-partita kollha wara li fl-aħħar logħbiet sabuha diffiċli jlaħħqu mal-avversarji fil-fażi elite. Bruno de Souza poġġa lill-Bormliżi minn fuq sabiex Sean Parnis ġab l-iskor indaqs għal Birżebbuġa. Karl Sciortino reġa’ poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ bit-tim minn Birżebbuġa li reġa’ sab il-parita’ minn Armando Gjepali. Madankollu l-aħħar kelma kienet ta’ ŻRQ Bormla li skorjaw il-gowl li tahom it-tliet punti grazzi għall-plejer ta’ esperjenza Jovica Milijic. Referees kienu Clint Cassar u Marco La Rosa.
Fl-Enemed Challenger League, Ta’ Xbiex Iżola Bank rebħu l-isfida tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika filwaqt li qabżu lil Marsaskala Futsal wara skor ta’ 7-1. Stefi Cale u Juan David Bautista Conde skorjaw doppjetta kull wieħed għal Ta’ Xbiex b’Liam Caruana, Andres Rodriguez u Ryan Debono li għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom. Ayoub Ahmad skorja l-uniku gowl għall-Iskalin. Referees kienu Clinton Cassar u Pierre Bonnici.
Is-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena kisbu rebħa tajba ta’ 7-2 kontra Gżira United Santa Margherita. Collin Sammut kien il-protagonista għaż-żgħażagħ Maltin meta skorja tripletta filwaqt li Nathan David Balzan wettaq doppjetta personali. Miguel Camilleri u Anson Fenech skorjaw aktar gowls għal Malta U19. Il-Gżirjani sabu x-xibka darbtejn permezz ta’ Yessous Camilleri. Referees kienu Danilo Francalanza u Pierre Bonnici.
Anke s-selezzjoni Maltija ta’ taħt it-18-il sena kellhom is-sodisfazzjon li jiksbu tliet punti importanti wara li għelbu lil Sliema Futsal 5-3. Ma kinitx logħba faċli għat-tim ta’ taħt it-18-il sena għalkemm kellhom lil Brave Azzopardi ta’ ispirazzjoni hekk kif skorja doppjetta. Isaac Vella, Samuel Christoph Abela u Maximilian Tomasuolo kienu wkoll fost l-iskorers. Is-Slimiżi naqqsu l-marġni tal-iskor minn tripletta ta’ Juan Morales Poveda. Referees kienu Stephen Vella u Stefania Bonnici.
KLASSIFIKA– ENEMED FUTSAL PREMIER LEAGUE
University of Malta ACJ Group 39, Luxol St Andrew’s 34, ŻRQ Bormla 28, Swieqi United FC Futsal 24, Birżebbuġa St Peter’s 18.
KLASSIFIKA – ENEMED CHALLENGER LEAGUE
Ta’ Xbiex Futsal Izola Bank 24, Marsaskala Futsal 22, Sliema Wanderers FC Futsal 11, Selezzjoni Maltija U19 10, Gżira United Santa Margherita, Selezzjoni Maltija U18 6.