Diversi pajjiżi madwar id-dinja immarkaw is-sogħba għall-mewt ta’ Papa Franġisku billi tfew dwal ta’ monumenti ikoniċi kif ukoll ħallew il-bnadar mezza’asta bħala sinjal ta’ luttu nazzjonali.
Il-bnadar tal-Unjoni Ewropea quddiem il-binjiet tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew fi Brussell tniżżlu mezz’asta b’sinjal ta’ luttu wara li tħabbret il-mewt ta’ Papa Franġisku.
Fil-jum tal-mewt tal-Papa intefa’ t-Torri Eiffel f’Pariġi. Is-Sindku ta’ Pariġi Anne Hidalgo filwaqt li qasmet il-kondoljanzi fuq il-paġna tagħha ta’ Instagram qalet li minbarra dan kienet se tipproponi li jkun hemm sit f’Pariġi imsemmi għal Papa Franġisku.
Fl-Istati Uniti, il-President Donald Trump ħabbar li l-bnadar fuq binjiet federali u tal-istat se jitniżżlu mezz’asta sal-funeral tas-Sibt bħala turija ta’ rispett għall-mewt tal-Papa.
Fir-Renju Unit ukoll il-bnadar tniżżlu wkoll mezz’asta b’rispett lejn il-Papa.
Fl-Indja se jkunu osservati tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali li jinkludu llum u għada, kif ukoll il-ġurnata tal-funeral. Il-bnadar kollha se jinżammu mezz’asta u l-Ministeru tal-Intern ħabbar li l-avvenimenti uffiċjali f’dawn il-ġranet huma mħassra.