Josef Vincenti ta’ 31 sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation wara li ammetta li uża kummenti fuq is-sit soċjali Facebook biex jippromwovi l-vjolenza kontra l-Pulizija.
Huwa kien tressaq il-Qorti f’Settembru li għadda wara li ħalla kummenti taħt artiklu, li fost oħrajn qalu li l-Pulizija kienu qed jagħtu 26 ċitazzjoni fis-siegħa bl-użu ta’ kameras li kienu qed iġorru.
Huwa rrefera wkoll għal każ tal-kuntistabbli Simon Schembri, fejn qal li “persuni kellhom raġun itajru lill-uffiċjali tal-Pulizija u jsuqu”.
Huwa spiċċa arrestat u mixli li kien qed iħeġġeġ persuni jiksru l-liġi, u li bi kliemu wera l-intenzjoni li juża l-vjolenza fuq grupp partikolari ta’ nies.
Vincenti wieġeb ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih. Huwa kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest, u li huwa riċediv.
Il-Qorti ordnat li l-ħelsien mill-arrest ikun irrevokat, u jiġu kkonfiskati l-flus li tħallsu meta nħeles mill-arrest. Il-Qorti nnutat li r-raġel għandu problema bid-droga u bl-alkaħol, u ammetta mal-uffiċjal tal-probation li kien uża d-droga kokaina jiem qabel ma wettaq dawn ir-reati.
Jidher li l-akkużat kien għaddej minn żmien diffiċli, wara li tilef xogħolu minħabba operazzjoni, u ma tantx kien qed ikollu kuntatt ma’ bintu ta’ sitt snin. Vincenti għandu wkoll diffikultà jikkontrolla l-mod kif jesprimi ruħu.
Minħabba li l-akkużat ikkopera waqt l-investigazzjoni, u kien ċar li ddispjaċih għal dak li għamel, huwa tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal tliet snin. Huwa kien immultat €200, u l-Qorti kkonfiskat il-garanzija tal-ħelsien mill-arrest ta’ €300.