Libjan ta’ 30 sena, li kien diġa’ kkundannat bi stupru fl-imgħoddi, dalgħodu ma ngħatax il-libertà proviżorja wara li wieġeb mhux ħati li wettaq vjolenza domestika.
Il-Libjan li jgħix San Pawl il-Baħar, ġie arrestat ilbieraħ wara li mara, li allegatament ilha sitt xhur f’relazzjoni miegħu, marret l-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra titlob l-għajnuna b’diversi marki ta’ idejnfuq ġisimha.
Il-mara, li hija ta’ nazzjonalita barranija wkoll, kellha fuqha diversi daqqiet u marki ta’ gdim kif ukoll marki ta’ feriti kkawżati minn daqqiet ta’ ċintorin. Wara li din il-mara ngħatat l-assistenza medika neċessarja, l-Pulizija tal-Għassa tal-Qawra, talbuha ċ-ċwievet tal-propjeta’ fejn kien hemm l-allegat agressur.
L-uffiċjal prosekutur, l-Ispettur Godwin Scerri, li fix-xhieda tiegħu, kklassifika dan il-każ bħala wieħed ta’ vjolenza domestika serja ħafna, saħaq mal-Qorti li minkejja li l-feriti ġew iċċertifikati bħala ħfief, il-Pulizija kienu qiegħdin jitrattaw dan il-każ bħala wieħed ta’ natura gravi u għamel referenza għall-passat vjolenti tal-Libjan.
Il-Libjan ġie akkużat li hedded u kkawża ġrieħi mingħajr l-intenzjoni li joqtol, fuq is-sieħba tiegħu u li kien riċediv.
L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri assistew legalment lil Libjan li wieġeb mhux ħati iżda ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Maġistrat Gabriella Vella, wara li kkunsidrat li l-Libjan reġa’ deher quddiem il-qorti wara każ ta’ rape, talbet li jinżamm taħt arrest u ordnat il-protezzjoni tal-vittma li tiprojbixxi lill-akkużat milli jagħmel kuntatt magħha