llum bdiet sena skolastika ġdida b’total ta’ 59,221 student fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex.
Diversi studenti reġgħu sebħu fuq il-bank tal-iskola hekk kif spiċċawlhom il-vaganzi tas-sajf u bdiet l-ewwel ġurnata tas-sena skolastika. Anzjużi iżda fl-istess waqt eċtitati, ma’ ONE NEWS l-istudenti qalu li jinsabu ħerqana għas-sena li ġejja u dak kollu li ġġib magħha.
Seta’ jiġi nnutat ukoll iż-żieda fil-vannijiet u coaches fejn kelliem għal skola partikolari qal li din is-sena kien hemm żieda ta’ seba’ coaches. Dan wara miżura tal-gvern li jipprovdi trasport pubbliku b’xejn lill-istudenti kollha.
Barra minn hekk, permezz tal-assistenza mit-Trasport Malta li kienu qed jidderieġu t-traffiku, naqset drastikament il-problema ta’ toroq staġnati li normalment ikun hemm mall-bidu tal-iskola. Dan flimkien mad-diversi toroq ġodda li tlestew bħala parti mill-proġett infrastrutturali li għaddej minnha pajjiżna.
In-numru ta’ studenti li se jattendu l-kindergarten huwa ta’ 8,731; dak tal-primarja 25,860; dak ta’ skejjel medji u sekondarji 20,939; u dak post sekondarju jlaħħaq it-3,691.
Fl-istess waqt in-numru ta’ edukaturi li se jkunu qed jagħtu kontribut fil-qasam akkademiku madwar l-iskejjel kollha huwa ta’ 10,366, li 5,574 minnhom huma għalliema, 3,528 learningsupport assistants (LSAs), u 709 kindergarten assistants.
Minn din is-sena skolastika, wara li l-ministeru kien ħabbar il-qafas strateġiku tiegħu b’miri ċari fl-2014, u ppubblika ‘Il-Vjaġġ Tiegħi’ fl-2016, l-ippjanar se jibda jitwettaq.
Wara li mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena daħal fis-seħħ ftehim settorali ġdid għall-gradi kollha tal-għalliema, ser ikunu introdotti sillabi u programmi ta’ tagħlim ġodda fil-Kindergarten 1, Year 3 u Year 7. Il-ministeru għandu pjan għall-erba’ snin li ġejjin li permezz tiegħu ser ikunu qed jiddaħħlu sillabi ġodda li jwasslu għal-livell tas-SEC.
Ser ikun qed jissaħħaħ l-assessjar matul is-sena skolastika, jitneħħew l-eżamijiet ta’ nofs is-sena mill-Year 4 sa Year 8, sakemm sena wara l-oħra jitneħħew ukoll dawk ta’ Years 9 sa 11.
Wara li nfetaħ l-Istitut għall-Edukazzjoni, minn din is-sena qed naraw l-ewwel korsijiet fil-livell ta’ baċċellerat u master’s fl-edukazzjoni. Qed naraw ukoll żieda ta’ korsijiet ġodda offruti mill-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta.
Minn din is-sena l-eżamijiet ta’ MATSEC ser ikunu b’xejn.
Din is-sena wkoll il-gvern qed jintroduċi l-iskema tat-trasport b’xejn għall-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti.
Bħala tħejjija għall-introduzzjoni ta’ aktar suġġetti vokazzjonali u ta’ suġġetti ġodda applikati f’Settembru 2019, għaddej xogħol fuq madwar 77 workshop ġdid fl-iskejjel sekondarji f’Malta u Għawdex. Dan qed isir b’ko-finanzjament ta’ fondi Ewropej.
Wasal fi tmiemu x-xogħol fuq iċ-childcare centre u l-iskola primarja l-ġdida f’Marsaskala, waqt li għaddej ix-xogħol fuq l-iskola primarja l-ġdida fil-Qawra li hi mistennija tkun lesta għas-sena skolastika 2019-2020.