“Erġajt qomt fuq saqajja u komplejt ngħix ħajti.”
Kien b’dan il-mod li Owen Mallia – żagħżugħ ta’ wieħed u għoxrin sena– affaċċja l-ħajja fl-aħħar xhur, wara li inċident tat-traffiku f’Diċembru li għadda, swielu siequ x-xellugija.
Fid-dar tiegħu fil-Fgura, Owen ħadna lura għall-mument meta qam wara l-operazzjoni, fejn sab lill-Professur li spjegalu li kien involut f’inċident li kawża tiegħu tilef parti minn riġlejh. Iżda ż-żagħżugħ ma riedx jemmen.
“Għall-mument m’emmintux għax sieqi bqajt inħossha imbagħad minn taħt il-għajn bdejt ninnota li taħt il-liżar hemm forma ta’ pala tas-sieq waħda imma xorta m’emmintx u fl-aħħar qalli iċċekkja. Għollejt il-liżar u nsib li vera qatali sieqi u ma’ sieqi nsib balla faxex.” Stqarr Owen.
Owen qalilna l-ewwel ħsibijiet li għaddew minn moħħu dak il-ħin.
“Trid tkompli tgħix, ma tistax taqta’ qalbek allura għidt ok, għandi xi ħaġa nieqsa imma rrid nara kif ħa nġibha minn x’imkien ieħor.” Kompla jgħid.
Wara sitt ijiem l-isptar kellu żewġ għażliet. Jew li minn Mater Dei imur San Luqa għal numru ta’ xhur u wara jmur id-dar, jew inkella minn Mater Dei jmur dirett id-dar u jattendi għal sessjonijiet ta’ fiżjoterapija. Mingħajr ma ħasibha darbtejn, għażel li jmur id-dar.
“Ir-realtà tolqtok meta tmur id-dar meta m’għandekx ħafna nies imdawrin miegħek u tibda tipprova tgħix il-ħajja ta’ kuljum.” Saħaq Mallia.
Owen qalilna liema kienu l-akbar sfidi li affaċċja, fl-ewwel ġranet tiegħu d-dar wara l-inċident.
Hu stqarr, “Dik il-ħaġa li nipprova nqum minn ġos-sodda u ninsa li m’għandix sieqi, għall-bidu ma stajtx nagħmel saħħa fuq is-sieq li kien għad fadalli peress li kelli l-pelvis miksur, u dik il-ħaġa li kelli l-catather, ma stajtx nitqalleb sew ġos-sodda.”
Is-sapport kontinwu ta’ dawk l-aktar qrib tiegħu, għen biex ikompli jżid mal-kuraġġ ta’ sur li diġà kellu hu biex ikompli jgħix ħajtu. Baqa’ jmur ix-xogħol kuljum, joħroġ ma’ sħabu, u saħansitra jmur il-gym.
“Jekk neħxien ħafna tikber sieqi u ma nkunx nista’ ndaħħal sieqi, u jekk nirqaq ħafna, tiċkien sieqi u sieqi tibda toħroġli allura ridt insib il-bilanċ biex innaqqas il-weight imma nżomm il-muscle.” Esprima Mallia.
Owen qed jitlob l-għajnuna tal-pubbliku biex jixtri Microprocessor Knee, li hija viċin ħafna tal-irkoppa naturali. Din tiswa’ 32 elf ewro, u timita l-moviment naturali tal-bniedem. Għal dan il-għan, fetaħ kont bankarju biex min irid, ikun jista’ jgħinu finanzjarjament.
“Il-flus qed niġborhom għax nixtieq nibdel l-irkoppa, nixtieq nixtri microprocessor knee u din tista’ tgħini fil-ħajja ta’ kuljum u tagħtini ħajja aħjar għall-quddiem.” Kompla jgħid.
Minkejja li għadu fi fjur żgħożitu, Owen diġà daq l-imrar tal-ħajja, u kellu dan il-messaġġ għal min għaddej minn żminijiet diffiċli.
“Trid tgħix. Trid tipprova tagħmel minn kollox biex tqum fuq saqajk u terġa’ għall-ħajja ta’ kuljum.” Ikkonkluda Owen.
Jekk inti tixtieq tgħin lil Owen jixtri Microprocessor Knee, għati donazzjoni fuq il-mezzi mniżżlin hawn taħt:
REVOLUT: IBAN: GB68 REVO 00997027598068
BOV ACCOUNT NO. 40024973144, ‘Microchip prosthetic leg’