Erbatax-il-ċiklist li ħadu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Lifecycle Challenge, irritornaw f’pajjiżna wara għaxart ijiem mill-aktar diffiċli li fihom qadfu għal elfejn kilometru minn Bangkok fit-Tajlanda għal Kuala Lumpur fil-Malasja.
Dan kollu biex jiġbru fondi b’risq pazjenti li jbatu b’mard fil-kliewi filwaqt li joħolqu kuxjenza dwar l-istess mard.
Is-sala tal-wasliet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Ġimgħa waranofsinhar kienet ippakkjata bi qraba taċ-ċiklisti. Iddominat ukoll l-istennija għaċ-ċiklisti anke mill-annimali tagħhom, li wħud ukoll kienu qed jistennew b’ħerqa fil-mitjar Malti.
Daqqu s-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar u minn wara l-bibien ta’ fejn ikunu qed jinġabru l-bagalji bdew joħorġu ċ-ċiklisti. Ħafna minnhom b’kaxxi kbar li fihom kien hemm ir-rota tagħhom żarmata.
Mal-wasla taċ-ċiklisti spikka l-ferħ tal-qraba, li mill-ġdid reġgħu ltaqgħu wara iktar minn ġimagħatejn ’il bogħod minn xulxin.
Spikka wkoll il-ferħ tal-annimali li ltaqgħu mas-sidien tagħhom.
Wara ritratt tal-okkażjoni, tkellimna ma’ Robert Vassallo Agius – wieħed miċ-ċiklisti li ħa sehem f’din l-isfida diffiċli.
Qal, “L-esperjenza kienet challenge diffiċli ħafna. Meta għandek it-tul u d-distanzi dejjem trid taqdef u taqdef, ma tieqaf qatt, ma tridx taqta’ qalbek. Hija challenge li tipprepara għaliha għal żmien twil jiġifieri għal 4 xhur jew 5 xhur u mbagħad it reached a peak sewwa umbagħad meta tkun hemmhekk ma tistax taqta’ qalbek, trid tibqa’ għaddej.”
Iċ-ċiklist spjega kif din ma kinitx l-ewwel Lifecycle Challenge għalih, u kollha kellhom l-isfidi partikolari tagħhom.
Stqarr, “Din hija r-raba’ waħda tiegħi, għamilt minn Dubaj sal-Oman, għamilt minn Vietnam, Laos sal-Kambodja u għamilt mill-Arġentina saċ-Ċilì. Kollha fihom xi ħaġa speċifika li tkun diffiċli, fl-Oman kellna 42, 45 degrees sħana mmens u nixfa, fil-Vietnam kellna wkoll rainy season sħana u humid. Issa kellna rainy season sħana u humid imma did-darba kellna ħafna xemx ukoll.”
Madankollu frisk minn għaxart ijiem ta’ qdif u sfidi, tenna li jikkunsidra jagħmel sfida oħra.
Qal, “Sakemm ikollna s-saħħa u jkollna l-ħin biex nagħmluha, iva nagħmel oħra iva.”
L-edizzjoni ta’ din is-sena kienet it-tlieta u għoxrin waħda, u kellha l-għan li jinġabru mitejn elf ewro sabiex jiġu sostnuti pazjenti li jbatu mill-kliewi, tinħoloq kuxjenza dwar l-istess mard u jiġi ffinanzjat studju mediku dwar is-suġġett.