Bħala prekawzjoni u minħabba raġunijiet tekniċi, it-titjira tal-Air Malta KM394 li dalgħodu telqet minn Malta lejn Amsterdam, irritornat lejn pajjiżna.
L-ajruplan niżel fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta aktar kmieni, u qed jaħdmu fuqu l-inġiniera tal-Air Malta bil-għan li jerġa’ jibda jintuża b’mod normali mill-aktar fis possibli.
L-istess titjira hija skedata li titlaq minn Malta f’12:30.
Il-passiġġieri li kienu fuq din it-titjira, u anki dawk fuq it-titjira KM395 – li kellha tiġi minn Amsterdam dalgħodu, qed jingħataw l-assistenza u l-għajnuna meħtieġa fiż-żewġ ajruporti rispettivi.
Fi stqarrija l-Air Malta rrimarkat li dan il-każ jista’ jaffetwa titjiriet oħra li wkoll jitilqu tard minn pajjiżna.
Kelliem għall-Air Malta qal li l-linja nazzjonali tal-ajru tat priorità lis-saħħa u s-sigurtà tal-passiġġieri, u qed tagħmel l-almu tagħha biex topera t-titjiriet l-oħra bl-inqas xkiel possibbli.
Il-passiġġieri li ħa jtiru mal-Air Malta llum huma mħeġġa jiċċekjaw is-sit elettroniku www.airmalta.com għal aktar aġġornamenti.