Raġel ta’ 40 sena residenti Marsaskala ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest, meta l-Ħadd tressaq il-Qorti b’urġenza akkużat li hedded u kkawża ġrieħi lil martu filwaqt li kiser ordni ta’ probation.
L-akkużat ġie ordnat jinżamm taħt arrest preventiv fit-taqsima forensika tal-isptar Monte Carmeli biex imbagħad jidħol għal programm ta’ rijabilitazzjoni.
Ir-raġel ħareġ mill-ħabs ġimgħa ilu wara li skonta sentenza. Id-difiża talbet fil-Qorti li l-akkużat għandu jinżamm arrestat id-dar, liema talba ġiet miċħuda mill-Qorti.
Fl-argumenti tagħha, l-Prosekuzzjoni qalet li dan ma kienx l-ewwel attentat tat-tip tiegħu li għamel l-akkużat, fil-fatt diġà tressaq il-Qorti fuq akkużi simili. Mart l-akkużat qalet li minkejja li aċċettatu lura f’darha, l-akkużat reġa’ heddidha u qalilha li se jeħodha bil-karozza u jitfagħha għal isfel.
Huwa wieġeb mhux ħati għal dawn l-akkużi.