Maestro Sergey Smbatyan, li kien jokkupa l-kariga ta’ Surmast Prinċipali fl-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, imma ġie sospiż wara akkużi kontrih f’qorti fl-Armenja, se jkun qed jerġa’ jieħu l-pożizzjoni tiegħu wara li ġie illiberat fl-istess proċeduri ġudizzjarji.
Fi stqarrija, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta qalet li ħadet nota li l-Uffiċċju tal-Prokuratur Ġenerali fl-Armenja għarraf lil Sergey Smbatyan li l-proċeduri kriminali kontrih twaqqfu u b’hekk qed tirtira s-sospensjoni tiegħu.
Maestro Smbatyan ġie sospiż f’Lulju li għadda wara rapporti fil-midja internazzjonali li hu u missieru, eks-ambaxxatur, kienu ġew arrestati fl-Armenja b’rabta ma’ frodi fuq proprjetà.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta qed tkompli l-missjoni tagħha bħala l-istituzzjoni mużikali ewlenija f’Malta.