Il-figuri massivi tal-Funatana tat-Tritoni waslu lura pajjiżna fl-aħħar jiem u bħalissa jinsabu l-Mosta sakemm jasal il-mument li jerġgħu jitwaħħlu fid-daħla tal-Belt.
Din id-darba b’mod li jagħmel iktar ġieh lill-valur artistiku għax-xogħol tal-iskultur Ċensu Apap. Dan għax kienu restawrati bl-iktar mod metikoluż fil-Belt Taljana ta’ Firenze. Proprju fil-Funderija Artistika Ferdinando Marinelli, li tispeċċjalizza fuq arti tal-bronż.
Filwaqt li kixfilna b’attenzjoni kbira parti minn wieħed mill-figuri, l-Inġinier Joseph Scicluna fisser kif dawn kienet saritilhom ħsara estensiva u interventi li saru fl-imgħoddi ma kienux tal-livell mixtieq.
L-inġinier Scicluna spjega kif dawn il-figuri kienu mimlijin sa ruħ ommhom bil-konkrit u msiemer tal-ħadid. Tant li tneħħew erba’ tunnellati konkos u iktar minn tliet elef musmar.
Dan fisser sfida kbira biex inqalgħu minn mal-funtana. Funtana li wkoll qed tkun restawrata fi proċess li issa ilu għaddej xhur.
Dan il-proġett ta’ restawr għandu jservi għal numru ta’ snin iżda Scicluna emfasizza l-fatt li l-figuri tal-bronż għandhom jiġu mħarsa kultant żmien.
Bi tbissima fuq fommu li tixhed is-sens ta’ sodisfazzjon, l-inġinier stqarr kif dawn il-figuri jfissru ħafna għal poplu Malti. M’għandniex xi ngħidu, min jaf kemm namrati ltaqgħu taħthom u kemm kienu punt ta’ referenza tul is-snin.
U hekk se jkompli jsir fi żmien li ġej għax ir-restawr tat-Tritoni huwa parti minn proġett ferm usa fejn id-dawra tal-funtana se u d-daħla tal-Belt se tkun spazzju miftuħ għan-nies. Naturalment biex igawduh.