F’Lulju, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ 848,716-il passiġġier.
Dan l-ammont għeleb ir-rekord li s’issa kellu f’idejh Awwissu tal-2019, l-aħħar sena rekord f’pajjiżna qabel il-pandemija, b’żieda ta’ aktar minn 25,000 moviment tal-passiġġieri.
Stqarrija mill-MIA spjegat ukoll li kienet irreġistrata żieda ta’ 3.8 fil-mija fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet u dan riżultat tal-fatt li diversi linji tal-ajru qed joperaw ajruplani akbar għat-titjiriet minn u lejn Malta.
Madankollu, l-istqarrija żiedet tgħid li, minkejja ż-żieda fl-ammont ta’ postijiet disponibbli fuq it-titjiriet, is-seat load factor (SLF) tax-xahar żdied bi 2.1 fil-mija fuq il-livelli milħuqa qabel il-pandemija biex laħħaq id-89.1 fil-mija.
Dan hekk kif id-domanda għall-ivvjaġġar baqgħet b’saħħitha għal xahar ieħor.
Rigward l-aqwa swieq għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, l-istqarrija qalet li, b’titjiriet minn u lejn 20 ajruport, l-Italja żammet postha bħala l-aktar suq importanti mingħajr l-ebda sinjal li ċċedi postha lir-Renju Unit, li kien it-tieni l-aktar suq popolari tax-xahar.
Is-suq Franċiż baqa’ juri titjib b’saħħtu fil-movimenti tal-passiġġieri, hekk kif irreġistra żieda ta’ 52 fil-mija fuq l-2019, biex b’hekk qabeż is-suq Ġermaniż bħala t-tielet l-aktar suq importanti għall-ajruport.
Ħames linji tal-ajru qed joperaw titjiriet minn u lejn 10 ajruporti Franċiżi u dan għen biex is-suq Franċiż iżid fil-popolarità tiegħu.
Il-movimenti tal-passiġġieri minn Spanja raw żieda marġinali ta’ 1.2 fil-mija fuq l-2019 biex b’hekk dan is-suq żamm l-istess post, li ilu jokkupa minn Mejju tal-2023 bħala l-ħames l-aktar suq importanti għall-ajruport.
Skont l-istqarrija tal-MIA, filwaqt li t-terminal diġà ra attività kbira f’Lulju, il-btajjel ta’ Awwissu mistennija jikkontribwixxu għal jiem aktar impenjattivi fil-ġimgħat li ġejjin.
It-traffiku mistenni jilħaq il-quċċata tiegħu fis-17 u l-24 ta’ Awwissu, bl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jbassar li se jkun qiegħed jilqa’ aktar minn 32,000 passiġġier f’kull waħda minn dawn il-ġranet.