Ix-xahar ta’ Lulju kien rekord f’dawn l-aħħar tliet snin, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ffirmar ta’ konvenji għal xiri ta’ propjetajiet.
Dan stqarritu l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA, wara li fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ta’ disa’ mitt miljun ewro li ħabbar il-Gvern f’Ġunju li għadda kien hemm miżura ewlenija li tgħid li dawk li sa tmiem din is-sena se jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom se jgawdu minn aktar tnaqqis fuq it-taxxa tal-boll fuq xiri tal-proprjetà.
Mill-ewwel informazzjoni li tat l-MDA rriżulta li f’Lulju biss ġew iffirmati 1,600 konvenju, b’valur totali li jaqbeż tliet mija u tletin miljun ewro.
Il-President tal-MDA, Sandro Chetcuti stqarr, “Iċ-ċifri li waslu għandna huma li hemm 1,600 konvenju li huma rreġistrati, f’Lulju – ix-xahar l-ieħor u kien hemm fuq tlett mija u tletin miljun bħala ammont ta’ sales.”
Chetcuti qal li l-proposti li għaddiet l-MDA lil Gvern, u li dan attwahom, qed iħallu l-frott u s-settur tal-propjetà diġà qed iħoss riżultati tanġibbli.
Chetcuti qal li dan jawgura tajjeb għas-settur tal-propjetà, li minkejja l-isfidi li affaċċja dan is-settur minħabba l-pandemija, xorta issa beda jirkupra.
“Jiena jidirli li dan jawgura tajjeb għar-real estate f’pajjiżna, li pajjiżna tibqa’ tappella għal first time buyers u tibqa’ tappella għall-investiment barrani.” Kompla jgħid Chetcuti.
Din il-miżura qed tgħin lil dawk iż-żgħażagħ li qed jixtru l-propjetà għall-ewwel darba, hekk kif frankaw eluf ta’ ewro f’taxxa tal-boll, bir-rata tat-taxxa tniżżlet minn ħamsa fil-mija għal wieħed punt ħamsa fil-mija.
It-tnaqqis fit-taxxa tal-boll se jinħareġ fuq l-ewwel erba’ mitt elf ewro tal-valur tal-proprjetà li mhux se tintuża għal skop kummerċjali.