Luke Micallef u Lisa Bezzina rreġistraw l-ewwel rebħiet fil-bidu tas-Road Running League tal-Athletics Malta,, biex b’hekk ħadu l-ewwel vantaġġ f’din il-kompetizzjoni li minn dan l-istaġun se tinkludi sitt tlielaq. Għaż-żewġ atleti ta’ Pembroke, din kienet rebħa konvinċenti, b’tellieqa kunfidenti f’ġurnata relattivament sħuna fuq rotta ċertifikata ta’ 10km madwar Ħ’Attard u Ta’ Qali.
Micallef irreġistra ħin ta’ 31:21, quddiem iċ-champion nazzjonali tar-road running attwali Dillon Cassar (Mellieħa AC) li temm it-tieni b’32:01, quddiem Aidan Tanti ta’ Evolve li kiseb it-tielet post fuq il-podju b’32:53. Fost in-nisa, Bezzina, li kisbet l-aħħar titlu tagħha żewġ staġuni ilu, rebħet f’ħin ta’ 40:35 quddiem Josann Attard Pulis ta’ Blaze SC (41:09) u Rosalie Borg ta’ Pembroke (41:27).
Din it-tellieqa ta’ 10k kienet organizzata minn Pembroke Athleta, u bħal kull sena kienet dedikata għal aktar għarfien dwar is-saħħa mentali. Għall-istaġun 2024-2025, l-assoċjazzjoni nazzjonali involviet lill-klabbs fl-organizzazzjoni ta’ wħud mit-tlielaq tas-Serje. Filfatt, iż-żewġ tlielaq li jmiss, it-tnejn ta’ 5km se jkunu organizzati minn Evolve Endurance Club f’Ta’ Xbiex u Rush AC f’Ħal Safi fis-17 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru rispettivament.
Minkejja r-rebħa ta’ Micallef, grazzi għall-klassifikazzjoni tal-atleti tat-tim, Mellieħa AC jinsabu fil-vantaġġ fil-kompetizzjoni għall-klabbs, quddiem Żurrieq Wolves u Evolve Endurance Club. Fost in-nisa, grazzi għal żewġ atleti fuq il-podju, Pembroke ħadu l-ewwel vantaġġ fil-klassifika quddiem Żurrieq Wolves u Mellieħa AC.