Ir-Road Running Series ta’ Athletics Malta rritornat b’tellieqa eċitanti mat-toroq ta’ Marsaskala f’għodwa xemxija b’160 atleta jieħu sehem.
Kif mistenni, it-tellieqa tal-irġiel rat sfida bejn tnejn mill-aktar atleti fil-forma fuq din id-distanza, b’Luke Micallef (Pembroke) jirbaħ l-ewwel leg minn din il-kompetizzjoni maqsuma fuq erba’ rawnds, fejn temm l-10km b’ħin b’saħħtu ferm ta’ 30:57, quddiem Dillon Cassar ta’ Mellieħa b’31:26.
Gabriel Farrugia ta’ Evolve spiċċa fit-tielet post b’32:10 ħin li fisser rekord nazzjonali ġdid fil-kategorija U20. Rekord ukoll għal Stefan Cassar ta’ La Salle, b’36:10 jistabbilixxi standard ġdid fuq il-livell tal-Under 18. Il-kisba ta’ Cassar kienet aktar impressjonanti meta wieħed iqis li lejliet huwa kien ġera l-2000m steeplechase fuq it-trakka.
Roberta Schembri ta’ Evolve kkonfermat is-saħħa tagħha fuq id-distenza meta rebħet it-tellieqa tan-nisa f’ħin ta’ 36:02, 20 sekonda quddiem Lisa Marie Bezzina (Pembroke). Joelle Cortis temmet it-tielet b’ħin ta’ 36:46.
Track and Field Open Meet
L-atleti tat-trakka kellhom inqas xorti s-Sibt hekk kif xita u riħ kienu kostanti fil-Matthew Micallef St John Stadium, hekk kif irritornaw il-kompetizzjonjiet nazzjonali fuq distanzi qosra, fil-perjodu li l-kontinent ġeneralment jirriserva għall-avvenimenti indoor.
L-aktar tellieqa missielta kienet dik ta’ 60m fejn fuq trakka mxarrba, erba’ atleti temmew l-isprint tagħhom f’0.1 ta’ sekonda minn xulxin. Gaetano Di Franco (Allcomers Aloysius AC) rebaħ f’ħin ta’ 6.95s, quddiem 7.00, Beppe Grillo 7.02 (Pembroke AC), Omar El Aida Chaffey u 7.05 (Blaze AC). Fost it-tfajliet, rebħet Claire Azzopardi (7.67s) quddiem Alessia Cristina (7.8s).
Fuq l-1000, rispons pożittiv minn Michela Caruana (2:29.81) u Mireya Bugeja (3:00.03), it-tnejn ta’ Zurrieq Wolves, li dan l-istaġun qed jaħdmu għal ħinijiet li jikkwalifikawhom għall-Kampjonati Ewropej tal-U20 f’Ġerusalemm. Fost l-irġiel, unur għal tliet atleti mħarrġa minn Kevin Galea b’Jean Paul Debono jirbaħ b’2:35.10 quddiem Neil Brimmer 2:42.09 (Zurrieq Wolves) u l-atleta Under 18 Michael Debattista (Pembroke AC) li kkonferma l-forma tiegħu meta temm f’2:42.13.
Fil-polevault, indikazzjonijiet pożittivi mill-atleti ta’ Pembroke AC Peppijna Dalli u Sana Grillo ll qabżu 3.60m u 3.20m rispettivament.
L-avveniment tas-Sibt ra wkoll ir-ritorn fit-trakka tal-atleta ta’ Libertas AC Mona Lisa Camilleri wara nuqqas ta’ sentejn kawżati minn incident ikrah f’Andorra. Hija temmet l-ewwel fit-3000m f’ħin ta’ 10:35.42, quddiem l-atleta U20 Kyla Farrugia (St. Patricks AC) f’11:00.49.
Aktar aħbarijiet tajbin għall-atletika Maltija waslu min Ancona fl-Italja fejn Rebecca Sare’ kisret ir-rekord nazzjonali tat-triple jump indoor (12.62m, suġġett għal verifika minn Athletics Malta) ġimgħa biss wara li Claire Azzopardi kienet kisritulha f’Londra. Fl-istess meeting, ritorn inkredibbli fl-isport għall-Becky Gorrieri, li ħadet sehem fil-long jump wara nuqqas ta’ madwar tmien snin.
L-avveniment li jmsis fit-trakka se jkun nhar is-Sibt, bit-tieni Open Meeting, ġimgħa qabel il-Kampjonati Nazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-atleti tar-road running jerġgħu lura f’Ħal Far nhar is-19 ta’ Frar.