Il-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko sostna li l-grupp merċenarju Wagner għadu ħaj u se jibda jgħix u jaħdem fil-Belarus.
Lukashenko sostna dan fi sfond tal-mewt tal-Kap tal-Wagner Yevgeny Prigozhin, ftit tal-jiem ilu wara li ġġarraf l-ajruplan li kien qed itir fih waqt li kien fi triqtu lejn San Pietruburgu.
Lukashenko qed jilqa’ b’idu miftuħa lill-grupp tal-Wagner anke wara li skond rapporti l-membri merċenarji fi ħdanu rrilokaw fil-Belarus wara li Prigozhin wettaq ribelljoni kontra l-awtoritajiet russi lura f’Ġunju li għadda.
Il-President tal-Belarus sostna wkoll li l-grupp se jibqa’ jgħix fil-Belarus anke taħt skema li ħejja hu stess flimkien ma’ Prigozhin.
Dwar min seta’ ġarraf l-ajruplan li abbord fuqu kien hemm il-Kap tal-Wagner, Lukashenko sostna li ma jemminx li Putin ta l-ordni biex Prigozhin jinqatel madankollu ma jistax jgħid min hu responsabbli għal dan il-każ.