Is-Sur Lucas Micallef huwa l-President il-ġdid tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK.
Il-Federazzjoni ħabbret dan fi stqarrija b’reazzjoni għad-deċiżjoni li ttieħdet fil-Laqgħa tal-Kunsill Ġenerali Annwali.
Fil-fatt, l-istqarrija kompliet tispjega kif is-Sur Micallef ħa post is-Sur Joseph Perici Calascione li rrinunzja mill-kariga tiegħu.
“Wara snin twal fuq it-tmun tal-Federazzjoni, bil-mewġ kollu li kellna niffaċċjaw, smajt minn pariri siewja li tiġdid fl-amministrazzjoni jiswa ta’ progress. Għaldaqstant, u filwaqt li xorta ser nibqa’ ta’ spalla għall-FKNK ser inħalli t-tmun minn idejja filwaqt li nkompli nsegwi d-direzzjoni. Grazzi lil kull min mexa dan il-vjaġġ miegħi tul dawn l-aħħar ‘hafna’ snin,” tenna Perici Calascione.
Minn naħa tiegħu, is-Sur Micallef qal li, “Id-dikjarazzjoni ta’ bidla fit-tmexxija mhux ser tkun it-tmiem tal-FKNK, imma huwa l-bidu ta’ kontinwita ta’ suċċessi li kisbet l-FKNK – fejn ser inħaddnu l’fuq minn 40 sena esperjenza bħala pedament sod, biex inkomplu insaħħu din il-Federazzjoni għaż-żminijiet preżenti bi preparament għall-ġenerazzjonijiet futuri.”
Is-Sur Gerald Vella issa ġie maħtur fil-kariga preċedenti tas-Sur Micallef ta’ PRO.