Għall-ewwel darba fl-istorja, lukanda Maltija tpoġġiet fuq il-mappa ta’ wieħed mill-aktar postijiet popolari madwar id-dinja u li kull sena jżuruh medja ta’ 60 miljun turist.
Hawnhekk qed nitkellmu dwar l-istat ta’ New York fl-Istati Uniti, bl-isem tal-lukanda ġdida fjamanta u grandjuża huwa ‘The Surrey’, li tingħaqad mal-lukandi l-oħra tal-Grupp Corinthia.
Il-Corinthia twaqqfet f’Malta fl-1968, fejn għandha lukandi kemm f’pajjiżna kif ukoll f’Londra, Lisbona u Budapest l-Ungerija. Dan filwaqt li fetħet lukanda oħra riċentament fi Brussell, u se timraħ f’Ruma, Bucharest ir-Ruminja, Doha, Riyhad, il-Maldives u aktar.
ONE News żar il-lukanda ġdida fiż-żona magħrufa bħala Upper East Side fi New York, fejn l-għajnejn mal-ewwel jitpaxxew bis-sbuħija tad-dehra moderna u lussuża tal-lukanda minn ġewwa.
Il-binja fiha 16-il sular, b’70 kamra, 30 suites u 14-il residenza privata. Ir-ristorant lussuż Casa Tua, u l-faċilitajiet kollha jkomplu jikkumplimentaw l-esperjenza mill-isbaħ ta’ meta wieħed jirfes l-għatba ta’ din il-lukanda Maltija.
Tkellimna mad-Direttur Maniġerjali ta’ din il-lukanda ġdida u li għandu esperjenza kbira fis-settur tal-ospitalità, Pradeep Raman u li meta konna qed nitkellmu miegħu faħħar bil-kbir lil pajjiżna.
Huwa żvela magħna kif mhux darba jew tnejn qassmu l-pastizzi f’din il-lukanda li wkoll għandha ħaddiema Għawdxija. Dan filwaqt li l-business cards ta’ din il-lukanda tagħti togħma tal-għasel Malti.
L-element Malti tal-lukanda fl-istat Amerikan ma jieqafx hawn, għaliex l-istess Direttur Maniġerjali żvela kif il-moscot tagħhom huwa l-għasfur nazzjonali tagħna, il-Merill, fejn dan l-għasfur jirrakonta storja u jitkellem fuq pajjiżna meta jiltaqa’ mal-ħamiem tal-park grandjuż u famuż, is-Central Park.
Lura f’Malta tkellimna mal-Kap Eżekuttiv ta’ Corinthia Group Simon Naudi li tenna kif ir-ruħ Maltija tibqa’ l-pedament ta’ kull investiment li jagħmlu.