Il-lukanda Park Hotel f’Ta’ Sliema li fix-xhur li għaddew ingħalqet mill-Awtorita Maltija għat-Turiżmu b’ordni ta’ infurzar inqabdet iżżomm ġewwa fiha 80 ħaddiem barrani li kienu qed jaħdmu Malta fuq numru ta’ proġetti.
Din l-istess lukanda reġgħet ġiet imbattla matul il-ġurnata tal-Ħadd u l-ħaddiema kollha li kienu qed jgħixu fiha nstabilhom post alternattiv t’akkomodazzjoni.
Ġie vverifikat ukoll li l-ħaddiema kollha li nstabu fiha ġew Malta qabel id-data li bdiet tapplika l-kwarantina obbligatorja.
Din il-lukanda kienet ġiet magħluqa ftit anqas minn sena ilu wara li kienu nstabulha diversi rregolaritajiet fejn jidħlu l-iġjene u l-istandards tal-akkomodazzjoni.
Is-sena l-oħra, ġurnata qabel din il-lukanda kienet ġiet imbattla mit-turisti mill-awtoritajiet, il-Qorti kienet iddikjarat li din il-lukanda qas hija denja ta’ one star hotel.