L-eks President tal-Federazzjoni Spanjola tal-futbol Luis Rubiales instab ħati li ta bewsa lill-plejer Jenni Hermoso mingħajr il-kunsens tagħha wara li t-tim nazzjonali tan-nisa Spanjol rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-2023.
Rubiales, però ma nstabx ħati li pprova jipperswadi lil Hermoso biex tgħid li l-bewsa kienet konsenswali.
Rubiales kien ordnat iħallas multa ta’ €10,000 u li għal sena ma jistax jikkuntattja lil Hermoso filwaqt li jrid iżomm distanza ta’ 200m ’l bogħod minnha. Huwa jista jappella minn din is-sentenza quddiem l-istess qorti.
Dan l-episodju, li difen it-trijomf tat-tim f’Awwissu 2023 filwaqt li qajjem dibattitu nazzjonali u internazzjonali fuq is-sessiżmu u l-kunsens, irriżulta li Hermoso irċeviet diversi theddid fuq ħajjitha u eventwalment Rubiales kellu jirriżenja mill-kariga ta’ President.
Rubiales, li għandu 47 sena, kien akkużat b’attakk sesswali u li pprova jipperswadi lil Hermoso biex tinnega l-allegazzjonijiet. Il-prosekuraturi kienu qed jitolbu sentenza ta’ sentejn u nofs ħabs, b’sena minnhom għall-attakk sesswali iżda Rubiales dejjem baqa’ jinsisti li l-bewsa kienet waħda konsenswali u li dak il-ħin kienet xi ħaġa spontanja.
Tlett persuni oħra li wkoll kienu akkużati li ppruvaw jipperswadu lil Hermoso biex tinnega l-akkużi, l-eks kowc tat-tim nazzjonali tan-nisa Jorge Vilda, l-eks direttur sportiv tal-federazzjoni tal-futbol Spanjola Albert Luque u l-eks kap tal-marketing tal-federazzjoni Rubén Rivera, inħelsu minn kull akkuża.