Luigi Zammit, student ta’ 13-il sena fl-Iskola Sekondarja fil-Kulleġġ San Injazju, hu r-rebbieħ ta’ din is-sena tal-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija wara li l-għalliema kienu ilhom jinnotawh li, b’mod konsistenti u minn rajh, kien qed jgħin u jagħmel kuraġġ lil student ieħor.
Il-President tar-Repubblika George Vella ppreżentalu dan l-unur waqt ċerimonja li saret fil-Palazz ta’ San Anton.
Waqt il-preżentazzjoni, intqal li kemm fiż-żmien li kien jattendi l-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ u anke issa fis-Sekondarja, l-għalliema u l-LSE innotaw lil Luigi jqatta’ ħafna mill-ħin fil-kumpanija ta’ Andrea, li għandu bżonn ta’ ħafna attenzjoni.
Fost l-oħrajn, waqt it-tluq u l-wasla l-iskola, Luigi jagħmel kull mezz biex jaċċerta ruħu li Andrea jkun tela’ fuq il-kowċ qablu, ipoġġi maġenbu, joqgħod attent li dan jieħu ħsieb saħħtu, u jgħinu jġorr il-basktijiet.
Fuq kollox, meta jara li sieħbu jkun se jaqta’ qalbu minn xi ħaġa jew se jinqata’ għalih waħdu, Luigi ilissinlu kliem ta’ kuraġġ u jinkludih f’kollox.
ONE News tkellem ma’ Luigi li, b’Andrea maġenbu, spjegalna l-ġurnata ta’ kuljum tiegħu.
Qal, “Jien u Andrea mmorru l-istess skola, anke Primarja, issa qegħdin Sekondarja, kull filgħodu nirkbu l-bus flimkien u imbagħad immorru flimkien l-iskola u jekk ikollu bżonn xi ħaġa ngħinu, skont xi jkun hemm bżonn.”
Spjegalna wkoll kif dan il-premju ma kienx qed jistennih.
Qal, “Ninsab emozzjonat ħafna, jien affarijiet bħal dawn ma nkunx qed nistennihom. Huwa d-dover tiegħi li ngħin lill-ħabib tiegħi Andrea, fil-fatti ilna minn età żgħira ħafna flimkien u għalija dawn huma affarijiet normali li nagħmilhom ta’ kuljum jew ta’ spiss u affarijiet bħal dawn ma nkunx qed nistennihom, ovvja hux.”
Min-naħa tiegħu, il-President Vella faħħar lil Luigi talli qed iħaddan il-valuri nobbli tal-empatija, il-ħbiberija u s-solidarjetà billi jkun ta’ sostenn importanti għall-ħabib tiegħu Andrea.
Spjega li Luigi jservi bħala pont bejn id-diffikultajiet marbutin max-xogħol tal-iskola u l-kapaċitajiet ta’ Andrea biex anke hu jkun jista’ jgawdi l-frott li jġib miegħu t-tagħlim u l-logħob bejn il-ħbieb li tant norbtu fiż-żmien tat-tfulija.
Il-Laboratorju tal-Paċi jorganizza dan il-Premju ta’ kull sena b’tifkira tal-Papa Ġwanni XXIII – il-Papa t-Twajjeb.
Patri Dijonisju Mintoff, li ħolqu u ilu jorganizza l-avveniment għal diversi snin, qal li kliem u għemil Luigi qed idawwal l-umanità u jħeġġeġ lil kulħadd, speċjalment liż-żgħar, biex jimxu fuq il-passi tiegħu ta’ tjubija u ħniena lejn l-oħrajn. Żied jgħid li “f’dinja li donnha qed titlef rasha, għandna bżonn ta’ aktar tjubija lejn kulħadd u l-omm komuni tagħna d-dinja.”
Qal, “Meta nidraw barra l-kliem imbagħad immiddu idejna u nxammru l-kmiem u nagħmlu xi ħaġa. U fil-kwiet, u mingħajr ħafna fuss u mingħajr ħafna diskors, u mingħajr ħafna tlablib, u mbagħad ngħid għandna erbgħa min-nies tista’ tħalli f’idejhom f’Malta.”