Luca Vella u Rossana Oddi, li t-tnejn jirrapreżentaw il-klabb Aquahub, żammew l-ewwel post fit-tieni tellieqa tal- Garmin BSJ Open Water National Swimming Championships organizzati mill-Birkirkara St. Joseph Sports Club. Dawn il-kampjonati qedin isiru taħt l-awspiċji tal-Assoċjazzjoni Sport Akwatiku ta’ Malta.
Il-kundizzjonijiet tal-baħar tal-Erbgħa kienu ferm aktar ta’ sfida minn dawk tal-ewwel tiġrija bl-għawwiema kellhom jiffaċjaw xi kurrenti qawwija u mbatt għoli fil-Bajja tas-Salina.
Luca Vella żamm vantaġġ komdu tul it-tellieqa, b’distakk fuq Giuseppe Borg li spiċċa fit-tieni post. Thomas Gatt, kiseb it-tielet post – tliet sekondi qabel Liam Farrugia li fil-ġimgħa li għaddiet kien spiċċa fit-tielet post.
Ir-rebbieħa tal-podju femminili tal-ġimgħa li għaddiet baqgħu l-istess għat-tieni tiġrija. Rossanna Oddi reġgħet ħadet l-unuri, segwita minn Kaitlyn Muscat fit-tieni post u Michela Camilleri fit-tielet post.
L-Ewwel tlett għawwiema rġiel u nisa ġew ippreżentati midalji mis-Sur Mark Gaglione, li jirrappreżenta lil Medcomms Ltd, aġenti ta’ Garmin f’Malta, sponsors ta’ dawn il-kampjonati.
It-tellieqa li jmiss se ssir l-Erbgħa 3 ta’ Lulju fis-6.30 ta’filgħaxija fis-Salina.