Luca Brincat ta’ 20 sena li jgħix Ħal Qormi, wieħed mit-tliet kuntistabbli li ġew sospiżi mill-Korp tal-Pulizija, inżamm arrestat b’rabta ma’ vjolenza eċċessiva.
L-imputat ġie mixli li uża l-vjolenza fuq żewġ persuni ta’ nazzjonalità barranija, aggravata bil-fatt li huwa uffiċjal pubbliċi.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Omar Zammit u Joe Mercieca, spjegat li l-imputat, flimkien maż-żewġ kuntistabbli sospiżi l-oħra, li jaħdmu fl-Għassa tal-Ħamrun, kienu allegatament imorru ġo għalqa f’Ħal Qormi jieħdu lill-allegat vittmi fil-dlam u jsawtuhom.
Fil-Qorti ġie spjegat li kienu Kuntistabbli oħra li marru quddiem il-Kummissarju tal-Istandards fi ħdan il-Korp fejn fetħu ilment nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Ottubru.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li Brincat, flimkien maż-żewġ kuntistabbli tal-Pulizija ġew sospiżi mill-Korp tal-Pulizija, l-għada s-Sibt 8 ta’ Ottubru.
Il-Prosekuzzjoni spjegat ukoll li waqt l-arrest, l-imputat qal li beda jħoss uġigħ f’sidru u nżamm rikoverat l-isptar. Intqal li l-Ħadd waranofsinhar, l-imputat ingħata police bail u mar id-Depot lura f’nofsinhar tat-Tnejn – fil-ħin li ntalab li jmur mill-Pulizija.
Fil-Qorti ntqal ukoll li bid-daqqiet li ngħataw mill-akkużati allegatament vittma minnhom intilef minn sensih.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-Difiża, immexxija mill-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb, talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-gravita tal-każ u kif ukoll minħabba l-iltralċ tal-provi, b’xhud minnhom għadu jrid jixhed fl-inkjesta li nfetħet dwar dan il-każ.
Hawnhekk il-Prosekuzzjoni qalet li vittma minnhom għadu ma ġiex identifikat, fejn intqal li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ.
Dan hekk kif il-Pulizija għandha filmati tas-sigurta li juru li hemm it-tielet vittma u allegatament hawnhekk kien hemm użu ta’ arma li taqta’ u bil-ponta.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest.
B’rabta’ ma’ dan il-każ, fil-jum tal-Ħadd tressqu l-Qorti, Jurgen Falzon ta’ 24 sena minn Santa Venera u Rica Mifsud Grech ta’ 22 sena mill-Furjana. Dawn iż-żewġ imputati nżammu arrestati fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin.
AQRA AKTAR:
https://one.com.mt/bil-filmat-jaslu-l-qorti-z-zewg-kuntistabbli-akkuzati-buzu-ta-vjolenza-eccessiva/