Denzel Jo Armani u Ira Losco niedew diska ġdida tagħhom bl-isem ta’ ‘Love of My Life’.
Armani, żagħżugħ ta’ 16-il sena, wera l-kapaċitajiet litterarji u mużikali biex finalment ħoloq id-diska, li taqa’ taħt il-kategorija ta’ Electronic Pop fid-debutt diskografiku tiegħu.
F’intervista ma’ ONE News, hu spjegalna kif żviluppa d-diska bħala parti mill-eżami tiegħu fi skola prestiġġjuża tal-mużika. Hu rringrazzja lill-familja tiegħu, lil sħabu u anke lill-kantanta rinomata Ira Losco, li minkejja l-età tiegħu, xorta waħda emmnu fih u tawh kull appoġġ, speċjalment missieru Jo Armani u ommu.
Min-naħa tagħha, Ira Losco sostniet li kienet impressjonata bit-talent ta’ Denzel u qalet li din id-diska hi eżempju tat-talent żagħżugħ kbir li jeżisti f’pajjiżna f’din l-industrija.
Wieħed jista’ jisma’ d-diska ‘Love of My Life’ fuq il-pjattaformi mużikali ewlenin, bħal Spotify, Apple Music, Youtube u oħrajn.