“Meta se nindunaw li qed indaħħqu n-nies bina.” Kien dan kliem Louis Galea meta fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista kien qed jitkellem dwar il-qagħda fl-istess Partit Nazzjonalista.
Louis Galea huwa fdat bir-riformi li suppost kellu jagħmel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, u f’intervista li saritlu, id-diskors reġa’ waqa’ fuq il-kunflitti interni li jeżistu fil-partit.
Galea qal: “Dan il-ħafna diskors li kien qed isir fil-kurituri, fl-irkejjen, fil-gazzetti, fuq is-social media, bejnietna, telefonati li jsiru waqt programmi ma wasluna mkien ħlief biex iżerżaqna iktar l-isfel”.
Kien hawn li Louis Galea beda sensiela ta’ appelli lejn fazzjonijiet differenti, inkluż dawk li jappoġġjaw lill-Kap.
Nazzjonalisti kemm se ndumu ma nindunaw. Kemm minnkom taħsbu li qed tagħmlu ġid lill-Kap tal-partit jekk tużaw kliem li jweġġa’, tenna Galea.
Louis Galea tkellem dwar nies li jiżbaljaw għax jitkellmu mingħajr ma jaħsbu, bl-użu ta’ sistemi li jagħtuk iċ-ċans taqbad u tirrispondi. Kien hawn li ddikjara kif fil-Partit Nazzjonalista qed idaħħku n-nies bihom.
Huwa staqsa: “Meta se nindunaw li qed indaħħqu n-nies bina. Meta se nindunaw?”
Iżda, is-sitwazzjoni hija iktar serja minn hekk u Louis Galea wissa li se jkollu juża d-dixxiplina.
“Fejn se nsibu li hemm min qed jagħmel, jikkummenta u jgħajjar u jizzika u jattakka lil sħabna stess fil-partit bla rażan, l-ewwel se nkellmuh bil-kelma t-tajba. Jekk ma jismax bil-kelma tajba, ikollu jisma’ bil-metodu tad-dixxiplina”, kompla Galea
U min ma jismax bil-kelma t-tajba jaf ikollu jiffaċja l-ġustizzja, għax Louis Galea anke għand il-pulizija lest imur.
“Infakkar ħaġa oħra. Infaħkkar li min joħloq fake accounts ikun jista’ jikser il-liġi u jigref difru mal-pulizija. Fejn niltaqa’ ma fake accounts se ngħamel rapporti lill-pulizija u lil Facebook”, temm jgħid Galea.
Fost dawk l-iktar magħrufa għal fake profiles hemm dawk li jappoġġjaw lill-Kap Adrian Delia li użawhom biex iwieġbu lill-mewġa ta’ nies, li bl-għan li jattakkaw lill-Kap, ma waqfux jgħajruh fuq is-social media.