Il-Kumitat dwar Imġiba Xierqa u Etika li nħatar mill-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista, biex primarjament jinvestiga allegazzjonijiet dwar Adrian Delia, ma bagħatx għal Daphne Caruana Galizia.
Caruana Galizia hija l-persuna li fil-blog tagħha kitbet numru ta’ stejjer li waslu biex il-Kunsill Amministrattiv jifforma l-Kumitat Konsultattiv dwar Imġiba Xierqa u Etika, wara talba ta’ Charlot Cassar, membru tal-Kunsill Ġenerali.
Iżda l-Kumitat, immexxi mill-eks Ministru Louis Galea, ma ħassx li għandu jibgħat għaliha biex tispjega u tressaq il-provi dwar dak allegat minnha.
Minflok, il-kumitat bagħat biss għal sitt persuni. Dawn kienu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Rosette Thake, il-President tal-Kummissjoni Elettorali, l-eks Ministru Joe Borg u l-erba’ kandidati.
Il-fatt li l-kumitat ma bagħatx għal Caruana Galizia qed inissel kritika interna ġdida fil-Partit Nazzjonalista b’ħafna jgħidu li ma tistax ma ssejjaħx lil min wassal għal dak li għaddej minnu l-partit.
Għalkemm imkejjen qalu li l-kumitat ma sejjaħx għal Caruana Galizia għax x’aktarx ma kinetx tikkopera kif fl-imgħoddi għamlet fil-qorti u hekk kienet tiddgħajjef il-kampanja kontra Adrian Delia.
Intant, fir-rapport tiegħu l-kumitat qal li kull persuna li trid tkun Kap għandha tkun ’il fuq minn kull dubju u suspett dwar l-integrità u l-onestà personali.
Imbagħad spjega kif lil Alex Perici Calascione kellmu dwar allegazzjonijiet li ħarġu minn ittra anonima u qal li kien sodisfatt bl-ispjegazzjonijiet li ta l-kandidat għat-tmexxija.
Kien sodsifatt ukoll bl-ispjegazzjonijiet ta’ Chris Said li kien mistoqsi dwar attivitajiet marbuta ma’ tnejn minn ħutu. Anke hawn il-kumitat kien sodisfatt għax Said qal li żgur qatt mhu se juża l-pożizzjoni tiegħu biex jivvantaġġjahom.
Ma Frank Portelli tkellmu dwar id-dejn tas-St Philips u hawn ukoll kienu sodisfatti.
Peró Adrian Delia, qal il-kumitat, ħalla numru ta’ mistoqsijiet.
Il-kumitat innota wkoll kif Delia naqas milli jgħaddi t-tagħrif kollu lill-partit kif obbliga ruħu meta tefa’ n-nomina għall-Kap.
Il-Kumitat qal li ma kellux ħin biżżejjed biex tidħol fl-allegazzjonijiet għalkemm ma kinetx sodisfatta bl-ispjegazzjonijiet u tenniet li “jitqanqlu dubji li hu importanti jiġu riżolti.”
Iktar minn hekk il-Kumitat ċanfar ukoll lill-partit u l-Kummissjoni li ma sarux l-aċċertamenti meħtieġa meta ntefgħu n-nomini.
Fi kliem ieħor l-kumitat ta’ Louis Galea kkritika l-Kummissjoni Elettorali ta’ Joe Borg li ma sarx id-due diligence li ssemma fil-bidu tal-kampanja għall-Kap.