L-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista tat-tmeninijiet Louis Galea huwa l-moħħ wara l-kampanja ta’ Bernard Grech.
Louis Galea, li huwa biċċa waħda mal-fazzjoni li sfiduċjat lil Adrian Delia erba’ darbiet, qed jaħdem qatigħ sabiex Bernard Grech ikun fi tmun tal-Partit Nazzjonalista.
Sorsi li tkellmu magħna qalulna li Louis Galea kien parti minn pjan sabiex itajjar lil Delia minn Kap.
Filfatt meta Delia kien ġie sfiduċjat, Louis Galea kien ħareġ stqarrija u qal lil Adrian Delia sabiex jirriżenja.
Dakinhar, Louis Galea, li kien tqabbad minn Delia biex jagħmel ir-riformi fil-Partit Nazzjonalista, kien qal lil Delia biex jieqaf jabbuża mil-lealtà tat-tesserati.
Is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali qalulna ukoll li Louis Galea kien ilu għaddej bit-taħdiet ma’ Bernard Grech, sabiex malli l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil jirnexxilha itajjau ras Delia, Bernard Grech jersaq ‘il quddiem biex imexxi hu.
Is-sorsi tagħna qalulna ukoll li fix-xena daħal ukoll l-eks Kap Nazzjonalista u eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, li wara snin nieqes mill-politika, ħass li f’dan il-mument għandu jidħol sabiex jgħin biex Delia ma jibqax Kap u jimbotta liż-żiemel ta’ Busuttil, Bernard Grech.
Il-ġimgħa li għaddiet ONE News żvela li Louis Galea sejjaħ laqgħa sabiex jipprova jikkonvinċi lil Therese Comodini Cachia biex ma tikkontestax għal Kap Nazzjonalista.
Is-sorsi tagħna qalulna li Roberta Metsola kienet preżenti għal din il-laqgħa, u anki lilha Louis Galea qalilha biex toqgħod pass lura.
Louis Galea qalilhom sabiex jingħaqdu kollha wara Bernard Grech, li se jkun iż-żiemel tal-fazzjoni Busuttil, bil-għan li jikbru ċ-ċansijiet ħalli jingħeleb Delia.
Kemm Metsola u Comodini Cachia imbagħad kitbu li rtiraw mit-tellieqa għall-Kap Nazzjonalista.
Louis Galea huwa magħruf kemm isostni lill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
Fl-eqqel ta’ kriżi oħra, fi Frar li għadda, id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, Mark Anthony Sammut u Alex Perici Calascione, ilkoll esponenti ewlenin tal-fazzjoni Busuttil, inqabdu ħerġin mid-dar ta’ Louis Galea wara laqgħa konfoffa u sigrieta.