Adrian Delia lanqas biss kellu jkun kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Hekk qal rapport skjett dwar Adrian Delia waqt il-kampanja tal-Kap Nazzjonalista minn Louis Galea. L-istess persuna li ftit tal-jiem ilu Adrian Delia stess ħatru sabiex imexxi r-riforma fil-Partit Nazzjonalista.
Artiklu li deher fil-gazzetta Kullħadd żied jispjega li filwaqt li nhar il-Ħamis ivvutaw favur l-għażla ta’ Louis Galea biex imexxi din is-suppost riforma fil-Partit Nazzjonalista, il-membri tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil diġà bdew ifakkru f’rapport li Louis Galea għamel żewġt isjuf ilu f’Awwissu tal-2017.
Dakinhar kien hemm talba biex fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji fil-konfront tal-kontestanti, kellu jkun sospiż il-proċess elettorali.
Abbażi ta’ rapport li kien sar mill-istess Galea u tim ta’ nies miegħu fosthom l-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, intqal li Adrian Delia lanqas biss kellu jkun kandidat għall-kap.
Iżda, minn rapport li kien sar minn Kumitat Konsultattiv dwar Imġieba Xierqa mmexxi minn Louis Galea, irriżulta li l-Membri tal-Kummissjoni kienu sodisfatti bl-ispjegazzjonijiet ta’ Chris Said, Alex Perici Calascione u Frank Portelli.
Fil-każ ta’ Adrian Delia l-istorja kienet totalment differenti.
Dakinhar ir-rapport li jġib il-firma ta’ Louis Galea qal hekk.
“Hemm aspetti oħra pendenti li għadhom mhumiex verifikati u li Dr Delia baqa’ ma spjegax, kemm dwar il-kont f’Barclays International Jersey Bank allegatament f’isem Dr Delia, l-iskop u l-użu ta’ dan il-kont u l-legalità tal-provenjenza ta’ dawn il-fondi.”
Delia kien irċieva l-kundanna wkoll dwar djun li għandu b’rabta ma’ żvilupp f’Għawdex.
“F’dan ir-rigward il-Kumitat iħoss li kien hemm nuqqas min-naħa ta’ Dr Delia li ma informax minn rajh u mill-ewwel lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit, kif obbliga ruħu li jagħmel,” qal ir-rapport tal-kumitat ta’ Louis Galea.
Finalment, intqal li dak li hemm dwar Delia “iqanqal dubji li hu importanti li jiġu riżolti.”
B’hekk ħafna fil-Partit Nazzjonalista qed jistaqsu jekk biex ikun effettiv f’ħidmietu Louis Galea hux se jerġa’ jaqbad dawn l-allegazzjonijiet u jara jekk Delia tax spjegazzjoni ċara jew differenti minn dakinhar.
Dan fid-dawl li l-kondotta ta’ Delia hija waħda mill-ikbar kwistjonijiet li jeżistu bħalissa fil-Partit Nazzjonalista tant li sa din il-ġimgħa baqgħu jkunu kwotati minn esponenti Nazzjonalisti bħala raġunijiet għaliex Adrian Delia għandu jitlaq minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.