Iċ-ċermen ta’ Farsons u d-direttur fuq il-bord tat-Times of Malta ta l-istess raġuni li ta l-Ministru Konrad Mizzi meta mitlub jgħid għaliex waqqaf kumpanija l-Panama.
Il-Ministru Mizzi qal li l-kumpanija l-Panama u t-trust tal-familja kellu bżonnhom biex jamministra proprjetà li għandu barra minn Malta. Xi ħaġa li qajjem ħafna dubji dwarha l-Partit Nazzjonalista u midja oħra. Iżda, issa qed tkun irrapportata fattwalment it-tweġiba ta’ Farrugia li mat-Times of Malta qal li l-kumpanija Petrofina Holdings li eżistiet bejn l-1984 u l-2005 kien imsemmija mal-Bank Ċentrali.
“Fl-1985 xtrajt appartament Londra fi żmien li l-familja żagħżugħa tiegħi bdiet tikkunsidra l-possibbiltà li mmorru ngħixu r-Renju Unit. Kont ingħatajt parir minn kumpanija ta’ reputazzjoni f’Londra biex nixtri l-proprjetà permezz ta’ kumpanija fil-Panama.”
Kompla jgħid li m’għandux ishma f’kumpaniji oħra. Il-mod kif it-Times of Malta rrapportat it-tweġiba ta’ wieħed mid-diretturi ta’ Allied Group kien innotat mid-direttur maniġerjali ta’ Media Today, Saviour Balzan. Fuq Twitter kiteb: “Inkredibbli.” Żied li t-tweġiba ta’ Farrugia hija identika għal dik ta’ Konrad Mizzi.
B’hekk issa li persuna li għal snin twal kienet ukoll tgħin lill-Partit Nazzjonalista tfaċċat f’Panama Papers u r-raġuni hi dik li hi qed tinbidel ħafna l-attitudni ta’ esponenti nazzjonalisti u midja li tgħinhom. Minn kliem dwar koruzzjoni u ħasil ta’ flus issa bdew isiru l-argumenti li mhux bilfors illegali li jkollok rabtiet ma’ kumpaniji fil-Panama.